Saturday, November 23, 2024

Transport Malta tagħti van elettriku lill-Uffiċċju tal-President u l-MCCFF

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President George Vella u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg attendew għad-donazzjoni ta’ vann elettriku li huwa aċċessibbli għas-siġġijiet tar-roti minn Transport Malta biex jintuża mill-Uffiċċju tal-President u l-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF). It-tmexxija ta’ Transport Malta u t-tmexxija tal-Malta Community Chest Fund Foundation ukoll attendew għal din l-attività.

Il-President Vella faħħar dan il-ġest li sar minn Transport Malta.  Il-President qal, “Din id-donazzjoni mhux biss se sservi biex persuni b’diżabilità se jkunu jistgħu jużaw il-vann, imma wkoll għax hija vettura li ma tniġġisx l-ambjent għax taħdem bl-elettriku”. Huwa esprima x-xewqa li minbarra l-pazjenti tal-Malta Community Chest Fund Foundation, il-vann elettriku jista’ jintuża wkoll minn għaqdiet mhux governattivi oħrajn li jkunu jeħtieġu dan is-servizz.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Il-kontribut soċjali huwa ta’ prijorità għall-Gvern u għall-entitajiet tiegħu. Illum qed naraw att pożittiv minn żewġ aspetti – mill-aspett soċjali fejn dan il-vann aċċessibli issa se jkun disponibbli għal din il-Fondazzjoni li tagħmel tant ġid, anke għal użu f’każijiet urġenti, u mill-aspett ambjentali, hekk kif il-vann mhux se jkollu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-arja minħabba li huwa elettriku. Il-Gvern qiegħed iwettaq ħafna ħidma għal bidla fil-kultura tat-trasport.”

Huwa fakkar li ftit tal-ġimgħat ilu ġie varat investiment ta’ €3.5 miljun fi grants, b’€1.6 miljun fosthom dedikati għall-elettromobilità. Dawn il-grants huma disponibbli għal NGOs reġistrati wkoll. Għadha tapplika wkoll l-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa tar-reġistrazzjoni u l-liċenzja tat-triq għall-ewwel ħames snin. Il-Ministru Borg qal ukoll li sadanittant il-Gvern qed ikompli jinvesti fl-infrastruttura taċ-charging biex min jitħajjar jixtri dawn il-vetturi jkollu aktar faċilitajiet. Huwa irringrazzja lill-President George Vella u lill-Malta Community Chest Fund Foundation għall-ħidma soċjali tagħhom filwaqt li faħħar lil Transport Malta għal dan il-ġest nobbli.

Sport