Matul dawn l-aħħar ġimgħat, it-taqsima tal-infurzar marittimu fi ħdan Transport Malta offriet l-assistenza tagħha lil numru ta’ klabbs tar-Regatta waqt sessjonijiet ta’ taħriġ fil-Port il-Kbir. Permezz tal-uffiċjali ta’ Transport Malta u numru ta’ RHIBs li topera l-awtorità, ġew issorveljati mill-qrib l-attivitajiet ta’ taħriġ fuq il-baħar, biex dawn iseħħu bl-inqas periklu possibbli filwaqt li bastimenti oħra fiż-żona jżommu distanza ’l bogħod sigura u jħarsu r-regolamenti marittimi.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, segwa mill-qrib il-ħidma tat-taqsima tal-infurzar marittimu ta’ Transport Malta waqt li numru ta’ klabbs kienu għaddejjin bit-taħriġ tagħhom. Huwa spjega kif aktar kmieni din is-sena, ġiet imnedija kampanja edukattiva nazzjonali dwar ir-regoli u r-responsabbiltajiet għal kull min juża l-baħar, kemm għall-għawm kif ukoll fuq il-bastimenti. Il-Ministru Bonett qal, “Qegħdin naħdmu biex inżidu l-edukazzjoni u l-għarfien dwar is-sigurtà fuq il-baħar filwaqt li permezz tat-taqsima tal-infurzar, niżguraw li kulħadd jobdi r-regoli biex ħadd ma jitpoġġa f’periklu.” Huwa saħaq dwar l-importanza li tradizzjonijiet bħal dik tar-regatta jiġu salvagwardjati u prattikati f’ambjent sigur u regolat.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia rrimarka kif it-taqsima tal-infurzar marittimu fi ħdan Transport Malta qiegħda taħdem ta’ kuljum biex l-attività fuq il-baħar tkun iżjed sigura u titgawda minn kulħadd. “F’port attiv bħall-Port il-Kbir l-uffiċjali tagħna ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat jikkordinaw b’mod tajjeb il-bilanċ li jrid jinżamm bejn il-moviment ta’ bastimenti kbar, dgħajjes kummerċjali, frejgatini kulturali kif ukoll taħriġ għal attivitajiet tradizzjonali sportivi bħar-Regatta,” saħaq Kurt Farrugia.
Transport Malta se tkompli bil-ħidma tagħha biex permezz tar-riżorsi marittimi tagħha, iżżomm l-ibħra Maltin siguri u aċċessibbli għal kulħadd.