Friday, November 22, 2024

“Trappola mortali”…hekk kien deskritt il-bastiment li fuqu miet ħaddiem Taljan

Aqra wkoll

‘Il-bastiment kien fi stat ħażin ħafna”. ‘Tneħħitlu ċ-ċertifikazzjoni tal-klassi tal-organizzazzjoni Bureau Veritas”. L-aħħar rekord ta’ spezzjoni mill-Port State Control kienet f’Algericas (Spanja) fit-12 ta’ Mejju tas-sena 2011, jiġifieri ħames snin qabel l-inċident.  Suppost sar ‘Risk assessment’ minn min iħaddem u dan ma sarx.  Il-bastiment kien ‘trappola mortali’.

Dawn huma dikjarazzjonijiet li joħorġu minn sentenza tal-Imħallef Toni Abela, f’kawża li fetħet omm ħaddiem lil Palumbo wara li binha miet f’inċident fuq dan il-bastiment. 

Fis-sentenza li ta’ l-Imħallef Abela, it-tarzna ta’ Palumbo ġiet ordnata sabiex tagħti kumpens ta’ xejn inqas minn €208,871 lil Maria Matruscelli, omm l-inġinier Taljan. Il-vittma, Aniello Fariello kellu biss 29 sena u dakinhar tal-inċident, kien qiegħed abbord fuq il-bastiment MV Galaxy li kien għat-tiswija fil-Port il-Kbir.

Omm Fariello, kienet fetħet il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpanija Palumbo, il-kumpanija Moby S.p.A bħala s-sid tal-bastiment u kontra l-kaptan tal-bastiment, Antonio Scotto Ciccariello.

Il-kumpanija Palumbo qalet li hija ma kinitx involuta u li ma taħtix, minħabba li dakinhar tal-inċident, ix-xogħol kien qed isir fuq il-bastiment waqt li s-sid tal-bastiment u l-kaptan qalu li l-vittma la kien membru tal-ekwipaġġ u lanqas impjegat tal-kumpanija.

Meta seħħ l-inċident, l-imsemmi bastiment kien sorġut ma’ Xatt il-Fabbrika fit-tarzna ta’  Palumbo. Il-bastiment kien daħal għax kellu bżonn ‘total refurbishment’. Tant kien fi stat ħażin li lanqas ċertifikazzjoni ma kellu bil-konsegwenza li biex wasal Malta kellu jkun irmonkat mill-Greċja.

Fariello tilef ħajtu meta dan il-bastiment kien qiegħed ikun irmiġġjat b’rukkel li minnu kienet għaddejja ċima. Dan ir-rukkell ċeda u tqaċċat, bil-konsegwenza li waħda miċ-ċimi sparat u kkatapultat u laqtet lil Fariello f’rasu u hu miet instantanjament fuq il-post. 

Il-Qorti qalet li hi regola oħra ewlenija f’dan il-qasam, li l-imgħallem irid jiżgura li jipprovdi lill-ħaddiema tiegħu b’ambjent li jżomm ’ilbogħod kull periklu u dan billi jiżgura li titħaddem sistema xieraq ta’ ħarsien minn kull periklu fejn ikun sejjer isir ix-xogħol minnu mitlub.

Fid-dritt, dan id-dmir iġorr miegħu grad għoli ta’ responsabbiltà fuq l-imgħallem, u jaqa’ fuqu l-piż jipprova li l-inċident ikun seħħ minkejja li jkun ħares dak kollu li l-liġi tistenna minnu f’dan ir-rigward. Huwa wkoll dmir li jitfa’ fuq min iħaddem il-piż li jieħu miżuri preskritti xierqa u jġib miegħu wkoll id-dmir tal-għoti ta’ tagħrif meħtieġ, l-għoti ta’ tagħlim u taħriġ u kif ukoll superviżjoni biex titħares is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem.

Daqstant ieħor huwa stabbilit li dan id-dmir ta’ min iħaddem jitlob ukoll li s-sistema tax-xogħol li jkun irid iħares lill-ħaddiema wkoll fil-każ li r- rutina tal-istess xogħol tnissel sens ta’ aljenazzjoni jew traskuraġni. Dan ifisser li jekk sistema tkun ilha titħaddem għal tul ta’ żmien bla ma qatt ikun inqala’ xi inċident, dan ma jfissirx li dik is-sistema hi waħda sikura jew li teħles lill-imgħallem mir-rabtiet imposti fuqu mil-liġi.”

Fis-sentenza intqal li Palumbo qalet li l-mejjet qatt ma ngħata struzzjonijiet li jkun fuq il-bastiment. Dan meta l-kaptan tal-bastiment qal li Fariello kien ikun kważi kuljum fil-bastiment Galaxy u kien imexxi l-ħaddiema ta’ Palumbo.

Il-Qorti ddikjarat li “għalhekk fil-mument tal-inċident, il-mejjet kien f’wiċċ kulħadd qiegħed jipparteċipa fl-irmiġġjar tal-bastiment u fil-jiem ta’ qabel kien ta’ kuljum ikun fuq dan il-bastiment. Il-Qorti issibha diffiċli biex temmen li Palumbo ma kienx jaf bil-presenza frekwenti tal-mejjet fuq dan il-vapur u dan anke fid-dawl li l-kuntratt tiegħu kien jippermetti li jkun assenjat xogħol differenti minn dawk ta’ inġinier.” 

Is-sentenza tgħid li “dan il-vapur kien kważi trappola mortali. Dr. Richard Sladden, espert legali inkarigat mill-Maġistrat osserva, li l-vapur kien fi stat ħażin ħafna. Il- Maġistrat inkwirenti stabilixxa li l-vapur inkwistjoni kien tneħħitlu ċ-ċertifikazzjoni tal-klassi tal-organizzazzjoni Bureau Veritas fit-13 ta’ Awwissu 2013. Dan ifisser li l-vapur ma jistax isalpa mingħajr ma jkollu ċertifikazzjoni ta’ Klassi, ħlief jekk jinġibed fuq l-irmonk kif fil-fatt ġie irmonkat minn Greċja.”

Kompliet tgħid li “l-aħħar rekord ta’ spezzjoni mill-Port State Control kienet f’Algericas (Spanja) fit-12 ta’ Mejju tas-sena 2011. Minn ċirkolari tal- Maritime Safety Committee tal-IMO  tal-24 ta’ Mejju tas-sena 2005, jirriżulta li dan il-vapur kien nieqes mill-miżuri ta’ sigurtà li wieħed normalment jieħu biex jassigura li l-mooring station ma tkunx post ta’ perikolu. Il-Kaptan Rueben Lanfranco għid, li f’ċirkostanzi bħal dawn, kellu jsir ‘risk assessment’ minn min iħaddem u dan ma sarx.”

 Il-Qorti qalet li “tasal għall-konklużjoni, li Palumbo kellha biżżejjed informazzjoni jew messha kienet taf biċ-ċirkostanzi biex tkun allertata sal-punt, li ma tesponix lill-impjegati tagħha għal perikoli li kien jippresenta dan il-bastiment. Imma l-aktar li jippreokkupa lil din il-Qorti hi, li saħħa li l- Palumbo messha kienet taf bil-presenza tal-mejjet abbord (għalkemm din il-Qorti temmen li kienet tassew taf) waqt il-manuvra tal-irmiġġ fil-ġurnata fatali, ma kien hemm ebda safety officer.

Dan biex fl-ewwel lok  jassigura li fuq il-bastiment ma jkun hemm ħadd li missu ma kellux ikun hemm u it-tieni biex jissorvelja li l-operazzjoni kollha kienet qed tkun imwettqa b’sigurtà. Skond L.S 499/3 “terminal” tfisser “post fejn bastimenti jorbtu, jirmiggjaw jew jittrakkaw” il-bastimenti. Skont L.S 499/3 persuna li torbot jew twettaq irmiġġ ta’ bastiment trid tkun liċenzjata. Dan ifisser, li Palumbo anke din ir-regola injorat. 

Fis-sentenza intqal li “irriżulta ukoll, li ċ-ċimi ma kienux mgħoddijin sewwa, anzi kienu għaddejjin minn mooring winch żbaljat bil-konsegwenza li ż-żewġ ċimi bdew jagħmlu kuntatt ma xulxin biex b’hekk iċ-ċima li kienet fuq livell aktar ogħli mill-oħra bdiet tgħolli ċ-ċima l-oħra. Apparti dan il-pedestal fair lead rollers tant kienu mikulin bis-sadid, li lanqas setgħu iduru.

Ir- rapport tal-Maġistrat huwa wieħed pittorjali u jista’ jingħad li jikkostruwixxi b’mod preċiż kif seħħ l-inċident. Dan kollu jipponta lejn is-segwenti: il-mejjet ma messux kien fejn kien u Palumbo kellha kull indizzju li dan kien qiegħed ikun fuq il-bastiment. Kien obbligu tagħha li tkun taf bil-presenza tiegħu, għalkemm din il-Qorti mhix teskludi li fil-fatt kien ordnat li jkun fuq il-bastiment abbażi ta’ dak li ingħad dwar il-kuntratt tax-xogħol tiegħu.”

Sport