Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli nediet proċess ta’ simplifikazzjoni, li permezz tiegħu l-iskema tal-Blue Badge se tiġi ttrasferita mingħand il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD) għal għand Aġenzija Sapport.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Julia Farrugia Portelli ħabbret li din il-bidla se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Marzu ta’ din is-sena, fejn l-għan hu li ssir simplifikazzjoni tas-servizzi u jingħataw minn post wieħed. Permezz ta’ dan it-trasferiment, is-servizzi għal persuni b’diżabilità se jkunu aktar ċentralizzati u jingħataw b’mod ħolistiku mill-aġenzija nazzjonali, Aġenzija Sapport.
Il-Ministru spjegat li l-proċess biex wieħed japplika għall-card xorta se jibqa’ jsir permezz ta’ applikazzjoni li tkun mimlija minn tabib tal-persuna. Din l-applikazzjoni mbagħad tgħaddi għand board li jevalwa dawn l-applikazzjonijiet u l-appelli minn dawn id-deċiżjonijiet jintlaqgħu bil-miktub minn Aġenzija Sapport. L-applikazzjonijiet se jkunu disponibbli wkoll f’forma elettronika għall-benefiċċju tal-applikanti u din tkun tista’ tinkiseb minn fuq il-website ta’ Aġenzija Sapport.
Minbarra l-iskema tal-Blue Badge, Aġenzija Sapport se tkun ukoll il-punt ta’ referenza ma’ Transport Malta rigward l-iskema tal-parkeġġi riservati u l-parkeġġ riservat personalizzat. Dawn huma żewġ skemi li persuni li jkollhom il-blue badge jistgħu japplikaw għalihom u jibbenefikaw minnhom. F’dawn il-każi, il-proċess se jibqa’ l-istess bħal-lum, fejn persuna tagħmel kuntatt ma’ Transport Malta u minn hemm issa jibda jsir kuntatt ma’ Aġenzija Sapport minflok mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. Minn hemm, isiru l-appuntamenti ta’ assessjar u mbagħad Aġenzija Sapport tinforma lil Transport Malta bid-deċiżjoni li tkun ħadet. Madankollu, l-applikanti jibqa’ jirċievi komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni mingħand Transport Malta.
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità xorta se tibqa’ taqdi l-funzjoni ta’ Regolatur u tara li ma jkunx hemm abbuż minn dan id-dokument. Din il-miżura għandha wkoll issaħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni bħala r-Regolatur ewlieni tas-servizzi għall-persuni b’diżabilità.
Matul is-sena li għaddiet, ingħataw 3,819-il blue badge ġdida mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, filwaqt li ġew imġeddin 2,417-il blue badge oħra.
Il-Blue Badge hu dokument legali li jippermetti lill-persuni b’diżabilità li jkunu sidien ta’ dan id-dokument biex jipparkjaw il-vettura tagħhom, jew il-vettura li jkunu qegħdin fiha, f’post ta’ parkeġġ riservat. Dan id-dokument jingħata lil persuni b’diffikultajiet fil-mobilità jew diżabilitajiet oħra, li jkollhom l-iSpecial ID Card u jkunu rreġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
Bħala dokument, hu wkoll validu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Awstralja, fil-Kanada, fil-Ġappun, fil-Korea t’Isfel, fi New Zealand, fir-Renju Unit u fl-Amerika.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Sciberras, enfasizzat kif din it-tranżizzjoni tas-servizz tal-Blue Badge ser ikompli jżid ħolqa oħra fil-katina ta’ servizzi li toffri Aġenzija Sapport, bħala l-aġenzija nazzjonali għall-persuni b’diżabilità. Dan is-servizz ser jagħmilha possibbli li persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jinqdew b’mod aktar ħolistiku meta jagħmlu kuntatt mal-Aġenzija. Is-Sinjura Sciberras irringrazzjat ukoll lill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, kemm tas-servizz li tat matul is-snin li l-Kummissjoni ħaddmet dan is-servizz, kif ukoll għall-kollaborazzjoni sabiex il-proċess jgħaddi għand Aġenzija Sapport bl-aktar mod effiċjenti.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan spjegat li bħalissa hawn `il fuq minn 12,000 persuna li tagħmel użu mill-Blue Badge minħabba nuqqas ta’ mobilità jew diżabilitajiet li possibbilment ma jkunux jidhru. ll-Kummissarju Pace Gasan qalet li permezz ta’ dan it-trasferiment fis-servizz, il- Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità se tkompli tissaħħaħ bħala regolatur u għaldaqstant l-infurzar tal-użu tal-Blue Badge u l-Parkeġġ Riservat se jibqa’ jsir mis-CRPD.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-helpline 153 (5).