Thursday, March 14, 2024

Trasport u toroq (1) 

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Bix-xieraq l-imwiet fuq it-toroq tagħna tal-aħħar ftit ġimgħat komplew rewħu ċerta skumdità fost il-poplu u wasslu wkoll għall-passi min-naħa tal-politiċi.

Wara li erġajt bdejt insuq (għamilt sitt xhur b’tal-linja) erġajt ġejt konxja ta’ ċerti perikli fit-toroq u ta’ problemi ta’ parkeġġ u traffiku. 

  • Iktar sinjali mal-art li juru lejn fejn hija d-direzzjoni tal-karozzi

Wieħed ma jistax ma jammettix illi sar hawn wisq sewwieqa barranin f’Malta.  Għal sewwieqa li ilhom snin isuqu fuq il-lemin mhux faċli f’ċerti postijiet idawru kif suppost.  Mill-banda l-oħra għal sewwieqa mdorrija b’toroq ta’ xi erba’ karreġġati fuq kull naħa, lanqas mhux faċli jifhmu li triq b’żewġ karreġġjati jista’ jkollha karreġġjata naħa tmur f’direzzjoni u karreġġata oħra tmur fid-direzzjoni l-oħra.  Biex ma nsemmux toroq b’karreġġjata waħda f’żewġ direzzjonijiet li hawn minnhom ukoll. 

Mhux l-ewwel darba tara sewwieq isuq b’kunfidenza kontra d-direzzjoni bla ma jissuspetta illi jista’ jiġi xi ħadd kontra b’daqstant veloċità. 

Iżda m’hemmx bżonn tkun barrani biex taħseb li triq hija f’direzzjoni waħda u ssib lil xi ħadd ġej minn faċċata.  Mhux kull sewwieq jgħaddi regulari minn kullimkien. Biżżejjed wieħed  ikunu ilu ma jgħaddi minn triq, biex jitħawwad.

Eżempju tipiku hija l-mina ta’ taħt l-Università.  Din il-mina għandha żewġ karreġġjati bla ebda wisgħa spettakulari.  Fiż-żmien li ilni niffrekwenta din iż-żona ltqajt ma’ madwar tliet karozzi li kienu tilgħin kontra għax ħasbu li ż-żewġ karreġġjati jmorru t-tnejn ’il fuq.  U sa fejn niftakar sew, is-sewwieqa kollha kienu Maltin. Il-verita’ hi li bniedem li ma tantx jaf il-post li mar għal żjara l-isptar jekk ma jarax sinjali mal-art jitħawwad.  Ma hemm ebda sinjali tat-toroq li jgħidulek minn fejn għandek tgħaddi għall-Belt, għal Birkirkara jew bnadi oħra. Is-sewwieq l-ewwel jidħol f’konfużjoni minn liema karreġġjata se jgħaddi biex imur lura lejn Birkirkara, jekk hux ta’ fuq il-mina jew ta’ taħtha, imbagħad f’dik il-konfużjoni moħħu jgħidlu li iktar kemm jagħfas fuq il-lemin iktar għandu garanzija li jmur Birkirkara.  Għadni nistenna li f’dan il-post iseħħ aċċident serju għaliex jien personalment diġà skansajt inċident tliet darbiet għax insuq vera bil-galbu. 

Is-soluzzjoni hija waħda verament faċli.  Vleġeġ sofor mal-art li juru f’liema direzzjoni wieħed suppost isuq.  

Jekk imbagħad ix-xogħol irid isir aħjar jinkiteb ukoll mal-art f’tali postijiet li minnhom infushom huma labirint ta’ direzzjonijiet, l-isem tad-destinazzjoni li wieħed jasal fiha jekk jaqbad dik il-karreġġjata eż. Vjeġġa BKR.

Ta’ min jgħid ukoll illi anke fejn jeżistu sinjali tat-toroq, vleġeg miżbugħa mal-art mhuma qatt żejda.  Anke f’toroq dojoq ‘two-way’.  Ngħiduha kif inhi, sinjali tal-metall fuq arbli u mirja fid-dawrien xi kultant faċli jkunu huma wkoll vittmi ta’ aċċidenti jew ta’ vandaliżmu.  Sinjali mal-art żgur li mhu ser jaħbat magħhom ħadd u lanqas ser jinsterqu. 

  • Traffiku fl-Università ta’ Malta li ġieli jwassal sa Triq Reġjonali

Hija sfortuna wkoll illi permezz tal-parkeġġ il-ġdid ġewwa l-Università jidher li biex issolviet problema, inħolqot oħra.  Id-dħul tal-parkeġġ ta’ taħt l-art qiegħed eżatt kif tibda t-triq li tagħti għal ġewwa tal-Università eżatt fejn qiegħda l-kamra tal-gwardjan li hija wkoll ‘roundabout’.  Dan qed jirriżulta fi kju sħiħ ta’ karozzi li jinġema’ sabiex jistenna lil dawk li qed jidħlu ġol-parkeġġ nimmaġina biex jippanċjaw jew jiksbu l-biljett.  F’xi ġranet il-kju tant qed ikun twil li jispiċċa jwaqqaf il-karozzi fuq il-‘by-pass’ ta’ fuq il-mina ta’ faċċata.

Jekk dan huwa minnu, allura, hemm bżonn li s-sistema tinbidel u s-sewwieqa li jużaw il-parkeġġ ma jippanċjawx qabel jidħlu fil-parkeġġ.  Jekk din mhix il-problema, għalkemm dan ma nixtiqux, allura naħseb li wasal iż-żmien li jiġi kkunsidrat li jitwessgħu xi toroq li jieħdu għall-isptar  jew għal ġo l-Università biex jittaffa t-traffiku jew li t-triq lejn l-Università ssir ta’ tliet karreġġjati.  Huwa verament ta’ sobgħa li min ippjana l-parkeġġ ma ħasibx f’dawn l-affarijiet.  

Soluzzjoni oħra li tista’ tgħin huwa li jsiru tabelli li jindikaw karozzi ġejjin minn bnadi li jistgħu ma jgħaddux mill-inħawi tal-Università u jevitaw din iż-żona. Filwaqt li jidher li l-problema tal-parkeġġ ġol-Università ttaffiet, issa nimmaġina li l-istudenti qed jispiċċaw tard għal-lezzjonijiet għax weħlu fit-traffiku.  Ċikku briku!

  • Karozzi tal-linja ma jitfaċċjawx

Huwa minnu li l-inizjattiva li ħa l-gvern Malti li jagħmel it-trasport pubbliku b’xejn hija inizjattiva verament tajba.  Iżda dan l-aħħar jien ukoll ridt nuża tal-linja għax-xogħol. Qed nitkellem dwar nhar it-Tlieta 11 ta’ Ottubru 2022.  Lejn ix-xogħol ma kienx hemm problemi.  Iżda lura lejn id-dar, il-Belt, stennejt ir-rotta 122 tal-Isptar Mater Dei.  L-ewwel karozza li kellha tiġi kienet skedata fil-5:35 ta’ filgħaxija.  Ma dehritx.  Ta’ warajja kellha tiġi fis-6:05PM.   Ma ġietx.  Il-passiġġieri minn tnejn ġew sebgħa.   It-tielet waħda kellha tiġi fis-6:35PM.  Waħda mill-persuni ċemplet lill-‘customer care’ u l-persuna qaltilha li x-xufier qiegħed tas-Sliema maqbud fit-traffiku.  Leġittimament, il-passiġġiera qaltilha li ftit li xejn jinteressaha fejn qiegħed ix-xufier.  Li kien jinteressaha huwa li tiġi għaliha xi karozza tal-linja u trikkibha billi l-unika karozza tal-linja fejn toqgħod hi kienet il-122.  Jien għażilt li nitlaq b’tassi mill-irħas u ma nafx x’ġara wara.  Iżda jista’ jkun li rotta tal-linja tiddependi fuq xufier wieħed jew karozza tal-linja waħda?  Hemm bżonn li jkun hemm karozzi tal-linja żejda jistennew biex ipattu għal tali sitwazzjonijiet.  Jew jekk mhux karozzi tal-linja, almenu minibuses.  Xi passiġġieri saħqu li dan jiġri ta’ spiss. M’iniex qed nirrakkonta dan biex nallarma lil ħadd.  Imma din hija esperjenza reali tar-rotta tal-isptar (rotta vitali) li għaddejt minnha jien personalment u naħlef għaliha.

  • Pastizz u kikkra kafè għax-xufier

L-esperjenza tal-istennija ta 3 karozzi li ma ġewx fakkritni wkoll f’konversazzjoni li kont smajt ftit xhur qabel it-terminus tal-Belt. Xufier Malti kien qed jitkellem ma’ xufier ieħor ħdejn kjosk tal-imqaret u l-pastizzi. Kien qed jgħid lil sieħbu illi nqabad fit-traffiku b’tal-linja u beda jdum fit-traffiku apposta biex jiffranka l-vjaġġ li jmiss.  Irnexxielu jasal ftit tard il-Belt u kellu ċans jieħu pastizz u kikkra kafè fil-kwiet. L-esperjenza ta’ tliet karozzi tal-linja ma jiġux tikkonferma illi jekk ix-xufier ma jasalx il-Belt jaqbeż il-ħin tiegħu u jkollu ċans jieħu pawża itwal.  Iżda għandu jiġi mit-tmexxija tal-kumpanija li tagħti biżżejjed ħin lix-xufiera biex jieħdu brejk sabiex ma jaqgħux fit-tentazzjoni li jtawlu t-traġitt biex jimmissjaw il-vjaġġ li jmiss. Ovvjament, huwa wkoll f’idejn it-tmexxija illi toħloq sistema fejn it-twaħħil fit-traffiku ma jsirx ‘win win situation’ għax-xufiera u telfa irriversibbli għall-passiġġier u għall-kumpanija nnifisha.

TISLIMA LIL KARMENU

Ġimagħtejn ilu ftit kelli opportunità nsellem lill-ex-PM Karmenu Mifsud Bonnici uffiċjalment hawnhekk, u għalhekk illum se nagħmel dan.  Dan għaliex Karmenu Mifsud Bonnici bħas-suċċessur ta’ qablu ispira ġenerazzjonijiet ta’ politiċi, artikolisti u attivisti tal-partit ferm iżgħar minnu u saħħaħhom fit-twemmin tagħhom.

Karmenu Mifsud Bonnici għalija kien persuna legali, b’intelliġenza li tispikka, kalm u mtaqqal bl-irġulija.   Iżda minkejja dawn il-kwalitajiet sbieħ kollha, kellu kwalità oħra li tisboq lil dawn il-preġji kollha: Il-karità. Huwa proprju għalhekk illi mat-tħabbira tal-mewt tiegħu ġiet f’rasi biss ħaġa waħda: tlifna bla dubju l-iktar politiku li għamel karità mal-proxxmu.  Għalija Karmenu kien ukoll il-bniedem politiku li għaqqad, kif diġà ntqal, il-valuri nsara li tgħin lill-proxxmu, speċjalment lil dak l-iktar li hu fil-bżonn, mas-soċjaliżmu. Għalhekk, Sliem mill-qalb, lil bniedem kbir li jien ukoll kelli l-opportunità nipprattika miegħu fil-bidu tal-karriera legali tiegħi.

Ekonomija

Sport