Hekk kif matul Ottubru jiżdiedu l-kampanji ta’ tagħrif dwar il-kanċer tas-sider, il-kumpanija Vivian għadha kemm wasslet biex trattament ġdid għall-kanċer tas-sider issa jinsab fuq il-formularju nazzjonali. Dan ifisser li issa pazjenti Maltin għandhom aċċess għal dan it-trattament li qabel kien disponibbli biss b’mod privat.
L-hekk imsejjaħ CDK4/6 inhibitor huwa trattament stabbilit għal ċerti tipi ta’ kanċer tas-sider li jkunu pożittivi għall-ormoni b’mod partikolari f’każi fejn il-kanċer ikun diġà beda jinfirex. Dan it-trattament iwaqqaf ċerti proteini li jagħtu s-saħħa lill-kanċer biex jikber u b’hekk il-marda tinfirex ferm iżjed bil-mod u jikber iċ-ċans li l-pazjent ifieq u jgħix ħajja ta’ kwalità aħjar.
Ħidma kontra l-kanċer b’mod konkret u bil-fatti
“Hekk kif dan ix-xahar qegħdin infakkru Pink October, m’aħniex biss qegħdin inkabbru l-għarfien, imma qegħdin naħdmu kontra l-kanċer b’mod konkret u bil-fatti,” sostna Kenneth Briffa minn Vivian.
Statistika ppubblikata aktar kmieni f’Ġunju ta’ din is-sena wriet li minn 48 prodott tal-onkoloġija approvati mill-UE bejn l-2019 u l-2022, 54% minnhom ma kienux disponibbli f’Malta filwaqt li 46% kienu aċċessibbli biss permezz ta’ kura tas-saħħa privata. Dan ifisser li mit-48 prodott tal-onkoloġija approvati mill-UE, 22 kienu disponibbli esklussivament mill-privat u 26 kienu kompletament mhux disponibbli. Dan ipoġġi lil Malta fl-aħħar tal-lista fi stħarriġ fost 37 pajjiż Ewropew.*
“Fid-dawl ta’ din l-istatistika inkwetanti, is-suċċess ta’ Vivian li wasslet biex din il-mediċina importanti għat-trattament tal-kanċer tas-sider tiġi inkluża fil-formularju nazzjonali, huwa avvanz importanti fil-kura tal-pazjenti u jiżgura li l-pazjenti bil-kanċer tas-sider issa se jkollhom aċċess għal trattament ieħor mingħajr spejjeż projbittivi jew nuqqas ta’ disponibbiltà,” żied Briffa.
Pass sinifikanti ‘l quddiem
Min-naħa tagħha Denise Borg Manche, Direttur Maniġerjali ta’ Vivian elaborat li, “l-approvazzjoni fuq il-formularju nazzjonali jinvolvi proċess twil u kkomplikat – snin twal ta’ ħidma biex nedukaw u nrawwmu kuxjenza fost l-awtoritajiet tas-saħħa dwar il-ħtieġa medika u n-nuqqas ta’ trattamenti bħal dawn. Din il-kura ġdida hija pass sinifikanti ‘l quddiem fit-trattament tal-kanċer tas-sider li jirrifletti l-impenn kontinwu ta’ Vivian li tiżgura li kulħadd ikollu aċċess għal mediċini.”
Spjegat li pazjenti differenti jkollhom bżonn terapiji differenti għax kull pazjent ikollu ħtiġijiet differenti. “Huwa għalhekk li aħna dejjem se nkunu favur li iżjed trattamenti bħal dawn ikunu kkonsidrati biex isiru disponibbli. Hemm bżonn ta’ iżjed trattamenti biex il-pazjenti jingħataw il-kura li taqbel lilhom mill-bidunett, biex ir-riżultati jkunu l-aħjar possibbli,” kompliet Borg Manche.
Hija insistiet li biex verament nimxu ‘l quddiem fil-ġlieda kontra l-kanċer, hemm bżonn ta’ azzjoni konkreta u perseveranti. “Min-naħa tagħna se nkomplu naħdmu mal-partijiet interessati kollha biex insaħħu l-aċċess għat-trattamenti madwar Malta u se nibqgħu impenjati li niżguraw li kull pazjent ikollu l-mediċina li jkollu bżonn u fil-ħin li jkollu bżonnha,” temmet tassigura Denise Borg Manche.