Tuesday, November 26, 2024

Trattament inuman minn Iżrael fuq pazjenti Palestinjani

Aqra wkoll


Minkejja ċ-ċaħdiet kontinwi ta’ l-armata ta’ Iżrael dwar trattament inuman fuq pazjenti u detenuti Palestinjani, teżisti evidenza ċara li pazjenti u detenuti Palestinjani għaddejin minn martirju l-iktar dawk li jinsabu miżmumin fi sptarijiet militari Iżraeljani.

Fost l-evidenza li hemm, ħaddiema mediċi fl-Iżrael qalu li d-detenuti Palestinjani minn Gaża qed jinżammu bħala rutina immanettjati minn idejhom u riġlejhom mas-sodod tal-isptar, b’għajnejhom mgħottijin u xi drabi għarwiena, jew sfurzati jilbsu ħrieqi. Dawn il-prattiċi, skont tabib Iżraeljan, kienu jammontaw għal tortura.

Persuna li kixfet dan kollu iddettaljat kif proċeduri mediċi fi sptar militari wieħed twettqu “b’mod regolari” mingħajr ma ngħataw mediċini u kkawżaw ammont inaċċettabbli ta’ uġigħ lid-detenuti.

Informatur ieħor qal li l-pilloli kontra l-uġigħ intużaw b’mod selettiv u b’mod limitat ħafna waqt proċedura medika invażiva fuq detenut ta’ Gaża fi sptar pubbliku. Qal ukoll li pazjenti b’mard kritiku li qed jinżammu f’faċilitajiet militari improvvisi qed jiġu mċaħħda minn trattament xieraq minħabba r-riluttanza mill-isptarijiet pubbliċi li jittrasferixxuhom u jittrattawhom.

Detenut wieħed, meħud minn Gaża għall-interrogazzjoni mill-armata Iżraeljana u aktar tard rilaxxat, kellu jinqatagħlu riġel minħabba li ma ngħatax il-kura li kellu bżonn għal ferita infettata. Tabib anzjan li jaħdem ġewwa l-isptar militari fiċ-ċentru tal-allegazzjonijiet ċaħad li kwalunkwe amputazzjoni kienet riżultat dirett ta’ infezzjoni, iżda ddeskriva l-mod u restrizzjonijiet oħra użati mill-gwardjani bħala “diżumanizzazzjoni”.

L-armata Iżraeljana filwaqt li ċaħdet dawn l-atroċitajiet qalet li d-detenuti fil-faċilità ġew ittrattati b’mod xieraq u bir-reqqa. Żewġ whistle-blowers li tkellem magħhom il-BBC kienu t-tnejn f’pożizzjoni li jevalwaw it-trattament mediku tad-detenuti. It-tnejn talbu li jibqgħu anonimi minħabba s-sensittività tal-kwistjoni fost il-kollegi tagħhom.

Ir-rakkonti tagħhom huma appoġġjati minn rapport ippubblikat fi Frar minn Tobba għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iżrael, li qalu li l-ħabsijiet ċivili u militari ta’ Iżrael saru “apparat ta’ tpattija u vendetta” u li d-drittijiet tal-bniedem tad-detenuti kienu qed jinkisru b’mod partikolari d-dritt għas-saħħa u kura medika.

It-tħassib dwar it-trattament tad-detenuti morda u midruba kien iċċentrat fuq sptar militari fil-bażi militari ta’ Sde Teiman fin-Nofsinhar ta’ Iżrael. L-isptar twaqqaf mill-Ministeru tas-Saħħa tal-Iżrael wara l-attakki tal-Ħamas speċifikament biex jikkura lid-detenuti ta’ Gaża, li xi sptarijiet u staff pubbliċi esprimew riluttanza biex jittrattaw ġellieda maqbuda dakinhar tal-attakki tal-Ħamas.

Minn dakinhar, il-forzi Iżraeljani ġabru għadd kbir ta’ nies minn Gaża u ħaduhom f’bażijiet bħal Sde Teiman għall-interrogazzjoni. Dawk suspettati li jiġġieldu għall-Ħamas jintbagħtu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni Iżraeljani waqt li ħafna oħrajn jinħelsu u jintbagħtu lura lejn Gaża.

Tabib li għandu għarfien sew tal-ġrieħi li joħolqu l-manetti qal li l-immanettjar fit-tul fis-sodod jikkawża tbatija enormi, tbatija orribbli, u ddeskriviha din il-prattika bħala “tortura” u qal li l-pazjenti jibdew iħossu l-uġigħ wara ftit sigħat. Oħrajn tkellmu dwar ir-riskju ta ‘ħsara fit-tul fin-nervituri.

Ix-xahar li għadda, il-gazzetta ta’ kuljum ta’ Iżrael Haaretz ippubblikat allegazzjonijiet li saru minn tabib fis-sit ta’ Sde Teiman li l-qtugħ tar-riġlejn saru fuq żewġ priġunieri, minħabba ġrieħi kkawżati mill-manetti.

Il-kap tal-Bord tal-Etika Medika tal-pajjiż, Yossi Walfisch, wara żjara fis-sit, qal li l-pazjenti kollha kellhom dritt li jiġu kkurati mingħajr ma jiġu mmanettjati, iżda li s-sigurtà tal-persunal tipprevali fuq konsiderazzjonijiet etiċi oħra.

Whistle-blower li ħadem fl-isptar tal-kamp ta’ Sde Teiman lura f’Ottubru, qal li darba minnhom tabib irrifjuta li pazjent anzjan jingħata l-oppju waqt li kienu qed jiftħu ferita ta’ amputazzjoni riċenti u infettata tant li l-pazjent beda jirtogħed mill-uġigħ. Ix-xhud qal li kemm hu kif ukoll kollegi oħra ħassew li kien hemm sens li kien att intenzjonat ta’ vendetta.

L-armata qalet bi tweġiba għal dawn l-allegazzjonijiet li l-vjolenza kontra d-detenuti kienet “assolutament ipprojbita”, u li regolarment informat lill-forzi tagħha dwar l-imġiba meħtieġa minnhom. Kwalunkwe dettalji konkreti ta’ vjolenza jew umiljazzjoni jkunu eżaminati, qalet.

Sport