L-aħħar statistika wriet li l-abbużi mill-ulied fuq il-ġenituri tagħhom, anzjani u mhumiex, qed jiżdied. Fenomenu li qed iwassal għal tkabbir fil-vjolenza domestika. Dan jirrifletti aktar il-ħtieġa li d-dixxiplina tibda b’mod raġjonevoli miċ-ċkunija. Għaliex ikun inutli li jsiru kampanji kontra l-vjolenza domestika jekk magħhom dawn ma jkunx hemm għarfien tal-ħtieġa ta’ dixxiplina b’mod ġustifikat.
F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax iħalli barra l-qasam edukattiv, għalkemm l-ewwel passi f’dan ir-rigward iridu jsiru mid-dar. B’danakollu nemmnu li l-edukaturi għandhom sehem ewlieni fit-trawwim ta’ mġiba tajba fost it-tfal. Dixxiplina raġunata fuq kollox hija meħtieġa wkoll għall-hena u l-benesseri tat-tfal stess.
Għaliex min ma jkunx imrawwem fid-dixxiplina, l-aġir negattiv tiegħu jew tagħha, ma jkunx limitat biss għad-dar imma jirrifletti wkoll fil-pubbliku u kif wieħed iġib ruħu ma’ ħaddieħor f’postijiet varji bħal fl-iskejjel, il-postijiet tax-xogħol u fit-toroq fost oħrajn.
Xi kultant id-dixxiplina għandha valur aktar milli għandu l-fsied għaliex kif jgħidu l-fsied iħassar l-ulied. U jekk ma jkunux dixxiplinati d-dar, it-tfal ma jkunu dixxiplinati mkien. B’danakollu d-dixxiplina ma tgħoddx biss għaż-żgħar imma wkoll għall-kbar.
Għat-tfal fl-iskola huwa kruċjali li jiġu mrawma kif jikkontrollaw l-imġiba tagħhom stess. Dan il-fatt huwa meħtieġ biex anke fl-iskejjel u f’postijiet oħra jiġi mitigat kemm jista’ jkun il-fenomenu tal-bullying, dak li wieħed iħossu superjuri għal ħaddieħor. Ħafna drabi jinstab li l-bullying isir minn dawk li xi darba jew oħra f’ħajjithom kienu huma stess abbużati.
Dan li qed ngħidu ma jseħħx f’Malta biss imma studji li saru sabu wkoll li l-fenomenu tan-nuqqas ta’ dixxiplina jeżisti wkoll f’pajjiżi oħra. B’daqshekk ma rridux ninftehmu li qed niġġustifikaw atti ta’ mġiba ħażina. Għall-kuntrarju. Għalhekk nemmnu li t-trawwim fit-trażżin tal-imġiba negattiva għandu jibda minn eta’ żgħira.
Iżda, f’kull waqt u mument id-dixxiplina għandha titwettaq b’mod korrett, u mhux b’mod vjolenti bħal swat fuq it-tfal. Iżda dan għandu jsir bi djalogu li jgħin biex tinbena komunikazzjoni aħjar bejn il-ġenituri u l-ulied sabiex jifhmu aktar lil xulxin.
Għandna għax nifhmu li b’hekk wieħed jinduna meta jkun żbalja jew se jiżbalja u jkun kapaċi jrażżan ir-rabja tiegħu stess fil-ħin.