Sunday, November 3, 2024

Trażmissjonijiet interċettati jallegaw li  s-suldati Russi ddiskutew l-omiċidji f’Bucha

Aqra wkoll

Midja Ġermaniża rrapportat li  s-servizz sigriet tal-Ġermanja interċetta trażmissjonijet ta’ truppi Russi li fihom jitkellmu dwar il-qtil ta’ nies ċivili ġewwa l-belt Ukrena ta’ Bucha 

Der Spiegel irrapporta li traffiku ta’ radju ġie interċettat mill-intelliġenza BND, u jidher li dan jaqbel ma’ dak li nstab qrib il-knisja ta’ Bucha, ftit ’il barra minn Kiev. S’issa, BND m’għamlu l-ebda kummenti pubbliċi dwar dak li rrapporta Der Spiegel.

L-Ukrajna qiegħda tallega li iktar minn 300 persuna ċivili ġew maqtula mill-forzi Russi ġewwa Bucha – allegazzjoni li Moska baqgħet tiċħad u tgħid li ma kellha l-ebda involviment fihom. 

Ritratti li xxandru riċentament kienu juru għadd ta’ katavri fit-toroq ta’ Bucha, liema ritratti ħasdu lid-dinja. Kien allegat li wħud mill-vittmi nqatlu b’tiri b’arma tan-nar minn wara f’distanza qasira, u li kellhom ukoll idejhom marbutin. Min-naħa tiegħu l-President Ukren Volodymyr Zelensky qiegħed jakkuża lir-Russja b’ġenoċidju, akkuża li r-Russja ċaħdet kategorikament. 

Il-belt ta’ Bucha kienet spiċċat f’idejn it-truppi ta’ Putin meta dan tal-aħħar kien ordna l-invażjoni tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar li għadda. Wara ftit ikbar minn xahar, it-truppi Russi telqu minn din il-belt u immedjatament l-Ukreni reġgħu daħlu.

Der Spiegel irrapporta li l-intelliġenża miġbura minn BND kienet maqsuma mal-membri parlamentari Ġermaniżi waqt aġġornament li kien hemm nhar l-Erbgħa li għaddiet. Der Spiegel irrapporta li f’messaġġ partikolari li ġie interċettat jingħad li s-suldati Russi kienu qegħdin jitkellmu dwar interrogazzjoni ta’ nies u wara jisparawlhom. F’messaġġ ieħor, suldat allegatament ġie interċettat jgħid li spara lil xi ħadd li kien għaddej b’rota, u dan jidher li qabel mar-ritratt ta’ ċiklist mejjet li nstab f’Bucha. 

Skont Spiegel, it-trażmissjonijiet interċettati jindikaw li l-grupp ta’ merċenarji privati Russi magħrufa bħala Wagner, lagħbu rwol strateġiku fil-massakru ta’ Bucha. 

Ir-Russja qiegħda tgħid – mingħajr ma tipprovdi l-ebda evidenza – li l-filmati tal-katavri huma “foloz” u din kienet mossa orkestrata mill-Ukrajna wara li truppi Russi telqu mill-belt. 

Sport