Saturday, December 21, 2024

Tressaq il-Qorti mixli li ħebb għal mara fil-Furjana

… kien identifikat minn filmati tas-CCTV

Aqra wkoll

Raġel li kien identifikat minn filmati tas-CCTV bħala l-persuna li allegatament aggredixxa mara fil-Furjana aktar minn tliet xhur ilu, inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Fid-29 ta’ Ottubru, mara kienet marret tagħmel rapport l-Għassa tal-Belt Valletta li hija ġiet aggredita minn persuna u kkawżalha ġrieħi ta’ natura ħafifa. Minnufih bdiet it-tfittxija għall-allegat aggressur u nġabru wkoll filmati tas-CCTV minn fuq ix-xena tar-reat.

Is-suspettat kien arrestat it-Tnejn li għadda f’Tas-Sliema. L-identità tar-raġel ma kinitx magħrufa mill-ewwel, iżda l-immaġni kienet taqbel mad-deskrizzjoni mogħtija,” żied jispjega l-Ispettur Gabriel Micallef li ressaq fil-Qorti lil Jumaa Ahmed ta’ 32 sena mis-Sudan. 

Ir-raġel kien mixli li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq il-vittma, li aggrediha u li kiser il-paċi pubblika. Wara li semgħet lill-Prosekuzzjoni tispjega ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-imputat, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Abigail Critien, iddikjarat l-arrest tiegħu bħala validu. 

L-avukat tal-għajnuna legali Dr Martin Farrugia, talab għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-fatt li huwa m’għandux indirizz fiss f’pajjiżna. 

Il-Maġistrat Critien ċaħdet it-talba minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi u ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Proskuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Jeffrey Rizzo. 

Ekonomija

Sport