Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn etá żgħira kont insegwi il-futbol. Dak barrani fuq it-televixin, u dak lokali fil-grawnd nazzjonali ġo Ta’ Qali. F’eta’ żgħira kont nitħarreg ma’ Birkirkara, iżda qatt ma ħassejt li kelli txi alent kbir, u kont waqaft ta’ etá żgħira ħafna, sakemm erġajt bdejt nilgħab mal-minors tal-iMsida. U minn hemm nibet l-ewwel xaqq ta’ interess lejn il-kowċing. Minħabba injury, kont waqaft mil-futbol u fl-etá ta’ xi 24 sena bdejt il-kowing ma’ Naxxar fejn qattajt seba’ snin, imbagħad sitt snin ma’ San Ġwann, sena mal-Pietá u illum qiegħed fit-tieni sena tiegħi bħala Head Coach tal-Akkademja ta’ Balzan u parti mill-istaff tekniku tat-tim tal-kbar. Minn etá relattivament żgħira bdejt il-liċenzji tal-kowċing, u illum qiegħed nagħmel il-UEFA PRO licence. Għamilt ukoll il-liċenzji ta’ Match Analyst u anke Physical Trainer għax nemmen ħafna fit-tagħlim u l-edukazzjoni kontinwa.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala head coach fl-Akkademja ta’ Balzan FC u match analyst tat-tim tal-kbar tal-istess klabb.
Huma rwoli li jirrikjedu ħafna ħin. Fit-tim tal-kbar issir analiżi kull ġimgħa tal-avversarji li nkunu se nilagħbu magħhom. Din l-analiżi tiġi diskussa mal-kowċ imbagħad murija lill-plejers. Din tgħin lill-plejers u lill-kowċ fil-preparazzjoni tal-logħba. Fl-Akkademja ix-xogħol huwa aktar vast, għaliex jinvolvi ħafna aspetti differenti, fosthom il-kowċis, il-plejers, l-amministrazzjoni, il-ġenituri, eċċ. Fl-aħħar sena l-Akkademja kibret minn 200 ghal 300 tifel, u għandna madwar 40 rwol ta’ kowċis mill-U4 sal-U21, fejn kull age group tkun maqsuma f’żewġ jew tliet skwadri, b’total ta’ madwar 25 skwadra. L-għan tagħna fl-Aklademja huwa li nkabbru l-kwalitá u nkunu fost l-aħjar f’pajjiżna biex b’hekk it-tim tal-kbar ikollu materjal ta’ kwalitá minn fejn jagħżel fis-snin li ġejjin.
X’inhu l-pjan biex ikun hemm aktar żgħażagħ Maltin minn Nursery jilagħbu mat-tim tal-kbar?
L-għan huwa li ntejbu l-livell tal-kowċis u li jkollna aktar kowċis liċenzjati. Irridu li jkollna metedoloġija u kurrikulum ta’ taħriġ aġġornati u li niffukaw iktar fuq l-iżvilupp tat-tfal. Irridu naċċertaw li it-tfal jingħataw l-aħjar opportunitajiet li jilagħbu u jipparteċipaw f’ħafna logħob u tournaments kemm lokali u anke barra minn Malta, li jkunu adekwati għal-livell tagħhom. Qegħdin f’pożizzjoni li nattiraw aktar kwalitá lejn l-Akkademja. Qegħdin anke naħdmu fuq proġetti kbar u ambizzjużi għas-snin li ġejjin.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Livell tajjeb iżda fadal ħafna xogħol xi jsir. Bla dubju li rridu nibdlu l-mod kif naħsbu u noperaw. U dan irid isir b’mod nazzjonali. Proċess li jinvolvi lill-MFA li twettaq ċerti riformi bżonnjużi fosthom l-kategorazizjoni tal-klabbs f’Malta. Il-klabbs iridu jinvestu b’iktar mod għaqli u effettiv. Il-kowċis irridu niffukaw aktar fuq l-iżvilupp tal-plejers milli fuq ir-riżultat. Trid tkun edukazzjoni ħolistika li tinvolvi wkoll lill-ġenituri biex jifhmu aktar x’inhu l-iktar importanti fl-iżvilupp tal-plejers. Hemm bżonn ukoll ta’ bidla fil-kulturá ta’ pajjiżna dwar kif inħarsu lejn l-isport. B’hekk biss nistgħu naraw iktar progress biex intejbu l-kwalitá u nibdew tassew nikkunsidraw iktar il-prodott Malti fil-kampjonati Maltin, u anke nibdew nesportaw iktar żgħażagħ, barra minn xtutna.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Nemmen li l-livell huwa aħjar mill-aspett tattiku u fiżiku. Peró, nemmen li qed naraw inqas plejers tekniċi. Qed naraw ukoll influss kbir ta’ plejers barranin, li mhux neċessarjament huma kollha ta’ livell għoli, u għalhekk qed innaqqsu ċ-ċans liż-żgħażagħ Maltin biex jieħdu ċ-ċans huma. Peró, nemmen li min huwa ta’ livell, jista’ jagħmilha dejjem.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fi żmieni konna nilagħbu fuq iż-żrar. Illum l-infrastrutura tjiebet ferm iżda r-riżorsi umani u finanzjarji jibqgħu limitati ħafna. Grazzi għall-MFA ħafna grawnds qed jiġu rinnovati. Iżda rridu nibdew naħsbu iktar ‘long term’ biex il-klabbs jiġu ‘self sufficient’. Il-clubs iridu jagħrfu fejn u kif l-aħjar jinvestu. Kultant qegħdin nonfqu wisq flus u pagi għoljin fuq plejers barranin li mhux ta’ kwalitá, minflok ninvestu aktar fl-akkademji tagħna. Fil-klabb ta’ Balzan FC, il-president Anton Tagliaferro investa f’binja mal-grawnd li tinkorpora dressing rooms, conference/analysis room, kmamar għal-live-ins, gym, clinic, recovery room li tinkludi pixxina, jacuzzi, ice baths u sauna, fost affarijiet oħrajn. Dan it-tip ta’ investiment tgawdih għal ħafna u ħafna snin.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Għadni pjuttost żgħir, u nimxi pass pass. Ili nvolut 16-il sena fil-youth football u nixtieq li nibqa’ nagħti l-kontribut tieghi fil-youths u nara li jitwettqu r-riformi li tant hemm bżonn. Ili erba’ snin ukoll involut fis-settur tal-kbar, tliet snin minnhom fil-Malta Premier. Ħolma li kelli minn ċkuniti u dejjem nitgħallem minn kowċis differenti li ħdimt magħhom. Bħal kull kowċ ieħor għandi l-ħolm tiegħi, fosthom li nagħmel esperjenza barra minn Malta.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
L-ewwel ħaġa hija li wieħed irid isaqsi x’inhu s-suċċess fil-futbol? Hemm ħafna tipi ta’ suċċessi u tragwardi. Tista’ tilgħab barra minn xtutna, tista’ tilgħab fil-Malta Premier jew diviżjonijiet oħra. Tista’ ssir kowċ jew amministratur jew referee. Kollox jista’ jitqies bħala suċċess, Iżda l-ewwel suċċess għandu jkun l-imħabba lejn il-futbol, li tissoċjalizza ma’ nies oħra u li finalment issir adult b’karattru b’saħħtu biex insaħħu s-soċjetá ta’ madwarna għall-futur. Li hu żgur, trid impenn, sagrificcju, dedikazzjoni u rispett għal dak kollu li trid tilħaq għalih f’ħajtek, inkluż fil-futbol.