Friday, November 29, 2024

“Trid tibqa’ sod quddiem id-diffikultajiet u taffaċċja l-marda bl-akbar kuraġġ possibbli”

– Antonella Rogers

Aqra wkoll

L-4 ta’ Frar hu mfakkar madwar id-dinja bħala l-jum iddedikat għall-ġlieda kontra l-kanċer b’impenn internazzjonali biex miljuni ta’ mwiet jiġu evitati permezz taż-żieda fl-għarfien u l-edukazzjoni dwar din il-marda qerrieda. 

talk.mt tkellem ma’ Antonella Rogers, li għaddiet minn din l-esperjenza xejn sabiħa u li għadha tieħu l-kura tagħha sal-lum il-ġurnata. “Ejja ngħidu hekk, jien ma ngħidx irbaħt il-marda jew inkella għelibt din l-isfida partikolari iżda li nirbaħ l-ostakli li l-kanċer iġib miegħu. L-ewwel u qabel kollox, wieħed għandu jibqa’ sod quddiem dawn id-diffikultajiet u taffaċċja l-marda bl-akbar kuraġġ possibbli.”

Rogers tgħidilna li l-esperjenza bla dubju ma kienet xejn faċli speċjalment jekk magħha kien hemm ħaddieħor li beda jbati, f’dan il-każ ommha stess li wkoll instabilha kanċer.

Madankollu hi temmen li għandha tkun pożittiva u qatt ma taqta’ qalbha, b’dawn l-ingredjenti li għenuha sabiex tegħleb din il-marda li issa fieqet minnha. Minkejja kollox, hi ma tiċħadx li ġieli għaddiet minn mumenti diffiċli għalkemm kemm-il darba daret lejn Alla.

“Jien nista’ ngħid li mhux qaddisa u żbalji nagħmel ħafna. Madankollu int ikollok għażla; jekk toħodha kontra d-dinja, tiġġieled ma’ kulħadd u tintelaq għalkollox jew inkella tħalli kollox f’idejn Alla. Jien għażilt it-tieni soluzzjoni u xejn ma ddispjaċini. Wara kollox, int tagħżel li timxi wara Alla, mhux Hu jiġi fuqek. Ħassejt paċi kbira fija hekk kif għamilt dan il-pass.”

Antonella Rogers kellha titla’ l-Ingilterra b’mod kontinwu sabiex tagħmel it-trattament kontra l-kanċer. Hi damet sena għaddejja b’dan ir-ritmu apparti li għamlet ukoll żewġ operazzjonijiet li b’xi mod jew ieħor effettwawha ferm fiżikament. Fil-fatt hi ffaċċjat problemi f’għajnejha u widnejha waqt dan it-trattament filwaqt li l-għadam ta’ wiċċha kienu effettwati wkoll.

Wara li ħarġulha r-riperkussjonijiet għal darba, tnejn u tlieta, Antonella bdiet taċċetta li se jibda jkollha aktar minn dawn iċ-ċirkostanzi.

“Mhux faċli li ma taċċettahiex. Meta ma taċċettahiex, mhux se tkun faċli it-triq. Iżda jien bħala karattru nemmen li għandi ċertu kuraġġ u għalhekk qomt fuq saqajja. Warrabt in-negattività fil-ġenb u ddeċidejt li nkun pożittiva.” 
Iżda kif għedna waqt li kienet għaddejja minn dan it-turment kollu, omm Antonella ħarġilha kanċer ukoll.

“Rajt il-kanċer minn ġewwa u minn barra u nistqarr miegħek li din kienet l-aktar parti diffiċli peress li kien hemm taħlita ta’ emozzjonijiet hekk kif bdejt inħoss ċertu toqol u sa ċertu punt ħatja għax ħsibt li ommi qabadha kanċer bix-xokk ta’ meta kelli kanċer jien.”

Bħala familja, kienu jafu li ommhom ma kienx se jkollha ħajja twila. Hi fil-fatt mietet disa’ xhur wara. Iżda bl-għaqda tal-familja rnexxielhom jaffrontaw din is-sitwazzjoni u minkejja l-limitazzjonijiet ħolqu ħafna memorji sbieħ m’ommha fl-aħħar żminijiet tagħha.

Antonella tgħid li l-mewt ma tbeżżagħhiex aktar u aktar għax hi ma taħsibx fuqha. Hi tgħid li anke ommha kienet tħares lejn is-sitwazzjoni li kienu qed jgħixu b’mod pożittiv u li meta taċċetta s-sitwazzjoni, din tiġi parti mill-ħajja u tgħinha tkun pożittiva  lejn il-ħajja.

Hawnhekk Antonella Rogers xtaqet tirringrazzja bosta nies li kienu qribha f’dawn iż-żminijiet xejn faċli speċjalment dawk li bagħtulha xita ta’ messaġġi, kollha ta’ kuraġġ.

Finalment tlabniha biex tgħaddilna messaġġ partikolarment għal dawk in-nies li għaddejjin mill-istess problemi.

“Jien dejjem ngħid li fejn hemm il-ħajja, hemm it-tama. Bħalma għedt aktar qabel, tantx toqgħod taħseb fuq il-mewt iżda għix il-mument, ibqa’ pożittiv u ġaladarba għadek ħaj jew ħajja, dejjem hemm sinjal pożittiv.”

“Minkejja kollox, nemmen li aħna xi darba jew oħra se nkunu fil-kju wara l-Ħallieq u għalhekk dejjem għandna ngħixu din il-ħajja li tawna bl-aqwa mod possibbli, billi tagħmel il-ġid u tferraħ lil ħaddieħor. Wara kollox il-ħajja hi destin u għalhekk bħala bnedmin, naraha importanti li nħallu kollox f’idejn il-Bambin, nħalluh imexxina hu u dejjem nibqgħu pożittivi. Se jiġu mumenti iebsa bla dubju, iżda jekk wieħed jew waħda jibqa’ sod, kollox jingħeleb.”

Sport