Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari ikkjarifika s-sitwazzjoni preżenti dwar il-Fortizza ta’ Bengħajsa. Huwa reġa’ afferma l-impenn tal-Gvern sabiex din il-proprjetà storika terġa’ tiġi kompletament f’idejn l-Awtorità tal-Artijiet.
Il-Ministru spjega li din il-fortizza, li tkopri aktar minn 51,000 metru kwadru, kienet inqassmet fi tliet kirjiet fis-snin sebgħin u bdiet tintuża għal skopijiet agrikoli. F’dak iż-żmien, kienu ngħataw tliet kirjiet sabiex jitrabbew l-annimali, iżda dawn il-kirjiet illum huma kollha tterminati. Il-proċess biex il-Fortizza tittieħed lura mill-Gvern kien beda fl-2011 mill-ex Dipartiment tal-Artijiet. Għalkemm dak iż-żmien inħarġu notifikazzjonijiet biex jitwettaq l-iżgumbrament ta’ dawk li kienu qed jokkupaw illegalment il-Fortizzal-azzjonijiet meħtieġa ma kinux ġew segwiti kif suppost.
Aktar kmieni din is-sena, l-Awtorità tal-Artijiet ressqet id-dokumenti kollha meħtieġa quddiem il-qrati permezz tal-avukati tagħha, sabiex tkun żgurata t-terminazzjoni assoluta ta’ kwalunkwe kirja li setgħet kienet għadha fis-seħħ. B’riżultat ta’ dan, it-tliet kirjiet ġew formalment tterminati u l-Awtorità setgħet tibda l-proċess ta’ żgumbrament.
Il-Ministru qal li filwaqt li ħafna mill-persuni li kienu qed jokkupaw il-fortizza m’għadhomx hemmhekk, hemm każ wieħed fejn għadha pendenti kawża fil-qorti, u għaldaqstant, fuq parir legali, l-Awtorità qed tistenna l-konklużjoni ta’ din il-kawża qabel tkompli bl-iżgumbrament ta’ din il-persuna. Madankollu, il-kumplament tal-fortizza issa jinsab kompletament f’idejn l-Awtorità tal-Artijiet.
Fl-istess ħin, il-Ministru ħabbar li fil-ġranet li ġejjin, l-Awtorità se tibda tneħħi strutturi illegali li nbnew fil-fortizza matul is-snin, u li fuqhom hemm avviżi ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan kollu qed isir bħala parti minn proċess estensiv ta’ żgumbrament li kien ilu li beda mill-2011, u li issa, l-Awtorità qed tieħu azzjoni b’saħħitha u deċiżiva biex tiżgura li l-fortizza tgħaddi kompletament f’idejn il-Gvern skont il-liġi u l-proċeduri stabbiliti. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi ħabbar ukoll li waqqaf Kumitat Konsultattiv biex jevalwa x’inhu l-aħjar użu li jista’ jsir minn din il-Fortizza ladarba tkun kollha f’idejn l-Awtorita tal-Artijiet.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tenna li l-Gvern jibqa’ impenjat biex proprjetajiet pubbliċi bħal Fortizza ta’ Bengħajsa jiġu rkuprati, protetti u restawrati għall-ġid tal-komunità u għall-użu pubbliku.