Il-festi Maltin huma parti mit-tradizzjoni u l-identità tagħna bħala poplu. Is-sajf huwa l-istaġun li fih ingawdu l-aktar minnhom bl-irħula mżejjna, il-knejjes armati u t-toroq mimlija ħajja b’familji u turisti jitgħaxqu bl-atmosfera unika li jkollna fl-irħula tagħna.
Wieħed mill-akbar attrazzjonijiet ta’ dawn il-festi huwa proprju l-logħob tan-nar li ta’ kull sena għadd ta’ dilettanti ddedikati għall-aħħar jaħdmuh u jtellgħu spettaklu mill-isbaħ mimli ħsejjes distinti u kuluri li jlewwnu s-sema tal-lejl biex jagħtu l-festi tagħna dik il-laqta’ unika li aħna l-Maltin tant magħrufa għaliha.
Fost dawn id-dilettanti li b’mod volontarju jiddedikaw u sa ċertu punt jipperikolaw ħajjithom għad-delizzju li jaħdmu l-logħob tan-nar tal-festi hemm Joseph Cachia, Żurrieqi li jgħix il-Marsa, li tkellem ma’ is-sit dwar l-imħabba kbira li għandu għal dan ix-xogħol u għall-festa tal-Karmnu taż-Żurrieq.
Cachia li għal aktar minn 50 sena kien jinkolla, jippostja u jaħraq in-nar bir-rakkont tiegħu “idaħħalna” fid-dinja tal-kmamar tan-nar u s-sagrifiċċji kbar li kull dilettant jagħmel għal din il-passjoni fejn mill-esperjenza vasta tiegħu jagħti l-parir lil dawk li jaħdmu n-nar biex meta jidħlu f’dik il-kamra, jinsew kollox “għax meta tidħol hemm tkun f’idejn Alla”.
Huwa li kellu jirtira minħabba raġunijiet ta’ saħħa spjega li dan ix-xogħol huwa sabiħ immens imma trid tkun iffokat totalment fuqu. Insista li trid tinsa u tħalli kollox warajk qabel taħdem in-nar. Dan għar-raġuni ovvja li l-inqas żball jew distrazzjoni momentarja, jistgħu jirriżultaw f’periklu ta’ xi splużjoni, splużjonijiet li sfortunatament, allavolja rari, seħħu.
”In-nar inħobbu u għadu fijja”
“Minn mindu kont għadni daqsxejn ta’ tifel kont immur ma’ missieri Karmenu ġo għalqa fiż-Żurrieq imma ma kontx naf x’kienu jkunu qegħdin jagħmlu. Billi minn dejjem kont daqsxejn imqareb, bdejt nitkixxef u sirt naf li kienu jaħdmu n-nar tal-festa. Bl-iskuża tal-football kont immur spiss u dan biex wara kont immur fil-kamra tan-nar ħalli nara x’inhuma jagħmlu. L-ewwel li bdejt nosserva b’attenzjoni kien ix-xogħol tal-beraq tal-murtali u mbagħad bdejt anke nistaqsihom xi affarijiet,” beda jispjega Cachia.
Huwa qal li l-kamra tan-nar li beda jmur fiha ma’ missieru kienet taħt idejn Nardu Farrugia magħruf bħala l-Koppin li llum il-ġurnata huwa mejjet. Cachia kien għadu daqsxen ta’ ġuvnott meta talab biex jingħaqad magħhom iżda l-Koppin kien qallu, ‘l-ewwel irrid ngħid lil missierek għax dawn l-affarijiet iridu jsiru sewwa minħabba l-periklu tiegħu’.
Bi tbissima brikkuna li baqgħet fuq fommu sal-ġurnata tal-lum fl-età sabiħa ta’ 71 sena, Cachia qal li jiftakar kif missieru kien qal lill-Koppin ‘le’. “Kien għalhekk li minn wara dahar missieri mort u sibt ħabib minn tiegħi li kien jismu Karmenu wkoll, magħruf bħala tal-Maċis u kellimtu. Dan aċċetta li nibda miegħu u bdejt intaqqab il-beraq. Kont immur ta’ kuljum wara x-xogħol imma wara sitt xhur waqaft minn mal-Maċis. Minflok mort mal-Mundu li kien jaħdem in-nar ma’ ħuh Frankie. Konna tim tajjeb ħafna – il-Mundu, Karmenu iż-Żakew, Pawlu u jien ngħinhom. Domt is-snin magħhom… aktar minn 50 sena. Dan sakemm, minħabba raġunijiet ta’ saħħa kelli nieqaf għax ma nissugrax li jew inweġġa’ jiena jew lil ħaddieħor. Allura, iddeċidejt li nieqaf però xorta waħda nara n-nar għax inħobbu u għadu fija,” spjega dan id-dilettant.
Familja ta’ Karmnijiet…
Mistoqsi għala għażel proprju l-kamra tan-nar tal-Karmnu taż-Żurrieq, Cachia qalilna li nannuh Pawlu tal-Kurunetta kien idoqq mal-banda Karmelitana. Dan kien dejjem jieħdu miegħu l-każin u kull fejn kien idoqq. “Naturalment sirt inħobbha jien ukoll. Tant huwa hekk li semmejt lil binti Karmelina. Fil-familja lkoll kemm aħna għandna Carmen jew Karmenu. Biss biss kelli lil ommi u lil missieri, oħti u ħija. Dan barra li marti wkoll kien jisimha Carmen”.
Lil missieru Cachia ma kien urih b’xejn għax kien dejjem jgħidlu biex ma jersaqx lejn kmamar tan-nar. Iżda, għal dan id-dilettant, il-logħob tan-nar kien ħajtu. “Kont nieħu pjaċir naħdmu għax dilettant kbir tiegħu. L-hena tiegħi kienet ukoll li naħraq u niġri b’mod speċjali s-salut, tal-kulur u l-murtaletti. L-aktar li nħobb huwa l-ħoss li jagħmlu u malli nisma’ salut nitla’ niġri fuq il-bejt biex narah,” kompla Cachia.
Huwa qal li l-parti tiegħu f’dan ix-xogħol kienet dik li jgħin għax “il-Mundu kien l-espert”. Jiftakar saħansitra qisu lbieraħ l-ewwel darba li ħaraq nar li ħadem fuqu huwa stess. “Ħadt ħafna pjaċir għax ix-xogħol kien ħareġ tajjeb u sabiħ”.
Għalkemm Cachia huwa Żurrieqi, huwa ilu s-snin twal jgħix il-Marsa imma meta kien għadu jaħdem in-nar, ta’ kuljum kien jinżel f’raħal twelidu. Imbagħad, fil-ġimgħa tal-festa kien jibqa’ hemm u kien jorqod għand zitu. “Kont nitlaq kmieni biex niltaqa’ ma’ sħabi u flimkien konna naħdmu sena sħiħa bi preparazzjoni għall-festa tagħna. Il-logħob tan-nar jinvolvi ħafna xogħol. Kont inkun hemm kuljum bis-Sibt u l-Ħadd b’kollox. Kont nisker fuqu speċjalment meta kont nippostja l-Ispanjola li hija berqa żgħira. Kont inpoġġi waħda fuq l-oħra bi tliet saffi u minn dawn konna nagħmlu kwantità kbira,” elabora dan id-dilettant.
“Inroddu s-salib u kulħadd jibda fuq xogħlu”
Cachia hawn qal li x-xogħol tan-nar huwa xogħol volontarju li jirrikjedi s-sagrifiċċji minn tim ta’ nies li jaħdmu id f’id imma mhux f’kamra waħda. Spjega li, “konna nkunu mqassmin fi kmamar żgħar bħala miżura ta’ sigurtà. Ma tistax tħallat il-berqa ma’ kulur jew tmiss affarijiet imċappsin. Trid taħsel idejk ta’ spiss u tixxuttahom sewwa. Imbagħad għandek it-temp li jaffettwa wkoll b’mod partikolari meta jkun umduż jew riħ għax dawn huma l-aktar perikolużi.
Meta kien ikun hekk, jien ma kontx immur. Il-bqija dejjem rajt li mort. Personalment kont sibt li l-aħjar ħin li nitla’ kien filgħodu kmieni, fis-7.00. Tant huwa hekk li kif kienet titla’ x-xemx, il-murtali li kien ikollna lesti konna noħorġuhom għax-xemx ħalli jinxfu u wara ninkollawhom”.
Huwa rrakkonta kif qabel kienu jibdew jaħdmu n-nar, kienu jroddu s-salib u mbagħad kulħadd jibda fuq xogħlu. “Il-Mundu kien jgħidli x’għandi nagħmel. F’kamra tan-nar kaptan wieħed irid ikun hemm u l-oħrajn iridu jkunu suldati leali. Kulħadd jaħdem għalih u ma jindaħalx lil ta’ ħdejh ħlief meta jkun hemm bżonn ta’ għajnuna bħal fil-każ tal-murtal il-kbir”.
L-importanza li tkun iffokat
Cachia kien raġel tal-familja b’sitt itfal u stqarr li martu kienet tinkwieta u tgħidlu biex ma jmurx għax kienet tibża’ li jweġġa’. Min-naħa tiegħu, kif kien jitlaq mid-dar u jerħilha lejn iż-Żurrieq biex imur jaħdem in-nar, kien jara li jħalli kollox warajh. Dan minħabba li f’dan ix-xogħol, mill-esperjenza tiegħu, jaf kemm huwa importanti li tkun iffokat fuq dak li tkun qiegħed tagħmel.
Minkejja li fil-kamra tan-nar li kien jaħdem fiha huwa qatt ma kien hemm inċidenti, Cachia baqa’ jiftakar inċident partikolari f’kamra oħra fiż-Żurrieq – dak li seħħ fl-4 ta’ Mejju tal-1989. “Wieħed mill-inċidenti li baqa’ f’moħħi huwa dak tal-kamra tan-nar ta’ Nenu Zahra magħruf bħala ta’ Ġorġja u Nancy Schembri. Kont xogħol Sant’Andru u kien hemm xufier li nfurmani li taret kamra tan-nar fiż-Żurrieq. Minn hemm tlaqt niġri għax ma kontx naf liema kamra kienet. Wara ċempilli u qalli li kienet oħra. Nenu kien daqsi imma Nancy kien għadu żgħir. Ipparkjajt fit-triq prinċipali u kif ersaqt viċin rajt il-ġebel kollu mwaqqa’ għax il-kamra taret kompletament. Kienu ġew il-Pulizija u qassis biex jagħtuhom il-Griżma minħabba li t-tnejn li huma kienu mietu fuq il-post,” kompla Cachia.
Mistoqsi x’għaddhielu minn moħħu dak il-ħin u x’ħass, dan id-dilettant spjega li kull min jibda u jkompli dan ix-xogħol, ikun jaf fejn huwa sejjer. Għaldaqstant, f’każi sfortunati bħal dawn, dejjem iħoss dispjaċir kbir imma fi żmienu, qatt ma waqqfuh milli jkompli bid-delizzju tiegħu.
“Kont nieħu pjaċir immur anke għall-fatt li kont niltaqa’ ma’ sħabi”
Dan il-Karmelitan li ħadem is-snin u biss fil-kmamar tan-nar tal-Madonna tal-Karmnu taż-Żurrieq qalilna li element ieħor li dejjem ħajjru jkun f’dik il-kamra partikolari huwa dak ta’ ħbiberija. Fil-fatt, “l-iżjed li kont immur kien minħabba sħabi. Biex niltaqgħu. Kien hemm minnhom li saħansitra kienu l-iskola miegħi bħalma kien Joe tal-Pitrolju li għadu jaħdem sal-ġurnata tal-lum u huwa missier ukoll. Daqqa konna ngħidu ċajta meta nlestu u daqqa ngħidu kelma waqt brejk aħna u nieħdu tazza tè. Konna ngħadduha u konna nieħdu ħafna pjaċir. Dawn kienu l-aqwa ħbieb tiegħi”.
Huwa qal li din is-sena xorta waħda se jiltaqa’ magħhom il-każin u minn hawn awguralhom li jkollhom xogħol sabiħ bħalma dejjem kellhom. “Lulju huwa l-isbaħ xahar għalina l-Karmelitani. Din id-darba l-festa ġiet fit-23 ta’ Lulju. Nawgura l-festa t-tajba lil kulħħad. Ejjew ħa ngawduha u jkollna festa sabiħa bħalma dejjem kellna”.
Il-messaġġ aħħar għal dawk li għadhom fix-xogħol tal-logħob tan-nar huwa biex jaħdmu bil-għaqal. “Attenti. Importanti li meta tmorru f’kamra tan-nar tinsew kollox inkella tersqux ‘l hemm. Morru b’moħħkom mistrieħ ħalli tkunu tistgħu tiffokaw fuq dak li tkun qegħdin tagħmlu,” tenn Joseph Cachia.