Nhar it-18 ta’ Settembru, it-Teatru Manoel se jkun qed jilqa’ lit-trio minn Praga, rebbieħ ta’ bosta unuri, ‘Trio Incendio’ għal serata ta’ mużika maġika minn mużiċisti żgħażagħ u ta’ talent fl-okkażjoni tas-sena tal-Mużika Ċeka 2024.
Imwaqqfa fl-2016 fi Praga mill-mużiċisti nnifishom, ‘Trio Incendio’ hu magħmul mill-pjanista Karolína Františová, il-vjolinist Filip Zaykov u ċ-ċellist Vilém Petras. It-trio stabbilixxa ruħu f’qasir żmien bħala wieħed mill-iktar ensembles żgħażagħ Ewropej distinti, b’esebizzjonijiet fi wħud mill-aqwa postijiet fl-Ewropa, bħal Wigmore Hall f’Londra, Philharmonie f’Berlin u Rudolfinum fi Praga. It-trio żagħżugħ huwa rikonoxxut għas-sens ta’ ħila u stil f’xogħlijiet klassiċi u sbuħija fil-ħoss, fl-interpretazzjonijiet tagħhom ta’ siltiet romantiċi, kif ukoll approċċ intriganti lejn il-mużika kontemporanja.
Matul il-kunċert fit-Teatru Manoel, se jkunu qed idoqqu numru ta’ kompożizzjonijiet mit-tmiem is-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20. B’tul ta’ madwar siegħa, il-programm jinkludi ‘Trio No. 3 in C, H.332’ ta’ Bohuslav Martinů, ‘Tristia for Piano Trio, S. 378c (wara La Valée d’Obermann)’ ta’ Franz Liszt u ‘Trio Nr. 2 g-Moll, Op. 26’ ta’ Antonín Dvořák. Dawn il-kompożizzjonijiet jinkludu partijiet ferm drammatiċi, imżewqa b’elementi romantiċi u grandjużi. B’tempo kemm allegro kif ukoll andante, il-mużika offruta tul is-serata mhux biss se tinżel tajjeb ma’ dawk li jħobbu l-mużika klassika u l-mużika chamber, imma wkoll tipprovdi introduzzjoni mill-aqwa tal-ġeneru lil dawk li jitħajru jisimgħu din il-mużika. Tfal ta’ ’l fuq minn 6 snin huma mistiedna jattendu l-kunċert sabiex jesperjenzaw dan il-ġeneru maġiku ta’ mużika live, probabbilment għall-ewwel darba.
‘Trio Incendio’ rebaħ diversi kompetizzjonijiet internazzjonali, fosthom il-Joseph Haydn Competition fi Vjenna, il-Joseph Joachim Competition f’Weimar, il-Gianni Bergamo Classic Music Award f’Lugano, il-Coop Music Awards fi Cremona, il-Concorso Musicale “Marcello Pontillo” f’Firenze, u l-Bohuslav Martinů Competition fi Prague, fejn rebħu wkoll il-Premju Speċjali għall-aqwa interpretazzjoni ta’ xogħol ta’ Martinů. It-trio jipparteċipa b’mod regolari fl-Akkademja Internazzjonali tas-Sajf f’Reichenau, organizzata mill-Università tal-Mużika ta’ Vjenna. Fl-Akkademja ngħataw għadd ta’ premjijiet għall-aqwa interpretazzjoni ta’ mużika kontemporanja Ċeka, kif ukoll iċ-Chamber Music Prize għall-aqwa ensemble tal-Akkademja, u l-Premju tal-Udjenza.
Il-biljetti għal ‘Trio Incendio in Concert’ huma €25 (jew €20 għall-istudenti u anzjani) u jistgħu jinkisbu mill-Box Office tat-Teatru Manoel, jew mill-website. Il-kunċert se jsir fit-Teatru Manoel nhar l-Erbgħa 18 ta’ Settembru fit-8pm u jdum madwar siegħa. Għall-biljetti jew għal iktar informazzjoni dwar il-kunċert żuru https://teatrumanoel.mt/event/trio-incendio-in-concert/ jew ċemplu l-box office fuq (+356) 21246389. Għal iktar tagħrif dwar Trio Incendio, żuru https:// www.trioincendio.com/ jew il-mezzi soċjali tagħhom