Waqt żjara li għamel fi Triq Anton Tabone, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li ngħatat l-ewwel kisja tarmak u tlestew xogħlijiet ta’ titjib f’din it-triq li tgħaqqad ir-raħal Ta’ Sannat ma’ Taċ-Ċawla.
Il-Ministru Camilleri spjega li, “Ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu fit-tqegħid ta’ pajpijiet tan-new water li jwasslu ilma għat-tisqija lill-bdiewa f’din iż-żona li tifred Ta’ Sannat mal-bqija tar-Rabat, l-installazzjoni ta’ culverts għall-ġbir tal-ilma tax-xita sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ għargħar li tgħaqqad mal-proġett tal-pjazza Ta’ Sannat li sar qabel, kif ukoll tpoġġa cable ġdid tal-elettriku mill-Enemalta biex titjieb il-provvista tal-elettriku fl-inħawi.” Minbarra dawn l-installazzjonijiet ta’ servizzi ġodda, din il-parti tat-triq ingħatat it-tarmak mill-ġdid.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri temm jgħid li l-ħdima se tkompli sabiex isiru toroq mill-ġdid u aktar toroq jiġu rranġati u jingħataw dehra aħjar bil-għan li jgawdu r-residenti Għawdxin u dawk kollha li jżuru Għawdex.
Dan il-proġett sar b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet fosthom l-Enemalta u l-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma.