Jidher li t-tieni mandat ta’ Donald Trump bħala president tal-Istati Uniti se jkun wieħed kontroversjali aktar milli diġa kien. Wara li ħoloq gwerer kummerċjali bit-tariffi fuq diversi pajjiżi, Trump issa qed jakkuża lil Barack Obama bi “tradiment”, u li ppjana li jsabotaġġa l-ewwel presidenza tiegħu billi rabtu ma’ allegat indħil Russu fl-elezzjonijiet.
“Ippruvaw jisirqu l-elezzjoni,” qal Trump fil-White House hekk kif sostna li Obama kien ipprova jdgħajjef ir-rebħa tiegħu tal-2016 fuq Hillary Clinton.
Kelliem għal Obama iżda ħareġ risposta rari, fejn sejjaħ l-attakk ta’ Trump bħala “attentat dgħajjef ta’ distrazzjoni”.
Fl-allegazzjonijiet tiegħu, Trump kien qed jirreferi għal rapport mid-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali tal-Istati Uniti Tulsi Gabbard il-ġimgħa li għaddiet li akkuża lil Obama u lit-tim tas-sigurtà nazzjonali tiegħu b’“kolp ta’ stat li dam snin kontra l-President Trump” – rapport li d-Demokratiċi ddeskrivewħ bħala falz.
Il-kummenti ta’ Trump nhar it-Tlieta saru hekk kif bħalissa huwa qed jiffaċċja mistoqsijiet minn ġurnalisti dwar ir-relazzjoni u l-ħbiberija li kellu ma Jeffrey Epstein, li kien instab ħati u mitfugħ il-ħabs għal reati sesswali fuq minorenni, li qatel lilu nnifsu fil-ħabs fl-2019 waqt li kien qed jistenna l-proċess tal-ġuri. L-amministrazzjoni tal-president Trump tinsab ukoll taħt pressjoni biex tirrilaxxa aktar informazzjoni dwar il-pedofilu Jeffrey Epstein.
Il-kelliem għal Obama, Patrick Rodenbush qal li minħabba r-rispett lejn l-uffiċċju tal-presidenza, it-tim ta’ Obama normalment ma jagħtix importanza lin-nonsens u l-informazzjoni żbaljata kostanti li joħorġu mill-White House ta’ Donald Trump.
Ir-rapport ta’ nhar il-Ġmgħa mill-Uffiċċju tad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali ddeklassifika l-emails bejn l-assistenti ta’ Obama, u argumenta li kienu ssaffew is-sejbiet tal-intelligence li r-Russja kienet falliet fl-investigazzjoni tat-tentattivi biex tiħħekkja d-databases tal-elezzjonijiet tal-Istati Uniti.
Il-komunità tal-intelligence tal-Istati Uniti ppubblikat valutazzjoni f’Jannar 2017 li kkonkludiet li r-Russja kienet ippruvat tagħmel ħsara lill-kampanja ta’ Clinton u tagħti spinta lil Trump fil-vot tliet xhur qabel.
Uffiċjali Amerikani sabu li dan l-isforz kien inkluda bot farms Russi fuq il-midja soċjali u hacking ta’ emails Demokratiċi, iżda fl-aħħar mill-aħħar ikkonkludew li l-impatt probabbilment kien limitat u fil-fatt ma biddilx ir-riżultat tal-elezzjoni.
Rapport tal-2020 mill-kumitat tal-intelligence tas-Senat sab ukoll li r-Russja kienet ippruvat tgħin il-kampanja ta’ Trump tal-2016.
L-ewwel sentejn tal-ewwel presidenza ta’ Trump kienu karatteriżżati b’investigazzjoni mid-dipartiment tal-ġustizzja tiegħu stess dwar jekk kienx ikkonspira mar-Russja biex ibiddel ir-riżultat tal-2016.
Rapport tal-eks direttur tal-FBI, Robert Mueller, kien sab nuqqas ta’ evidenza li Trump jew il-kampanja tiegħu kkoordinaw mal-Kremlin, u ħadd qatt ma ġie akkużat b’dawn ir-reati.