Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħabbar li Iżrael u l-Ħamas qablu dwar l-ewwel fażi tal-pjan ta’ paċi tiegħu ta’ 21 punt. Il-ftehim, li ntlaħaq wara tlett ijiem ta’ taħditiet fl-Eġittu, jinkludi waqfien mill-ġlied immedjat, il-ħelsien tal-ostaġġi kollha li fadal f’Gaza, u l-ħelsien ta’ mijiet ta’ priġunieri Palestinjani miżmuma f’ċentri ta’ detenzjoni Iżraeljani.
Intana, il-Prim Ministru Robert Abela b’reazzjoni għal din l-aħbar qal li pajjiżna dejjem kien impenjat favur il-paċi, u mingħajr dubju huwa żvilupp pożittiv li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħabbar li ntlaħaq ftehim dwar l-ewwel fażi ta’ ftehim ta’ paċi li għandu jwassal għall-ħelsien tal-ostaġġi u għall-waqfien mill-ġlied f’Gaża.Ir-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan, inkluż minn pajjiżna, bagħat messaġġ importanti u f’waqtu li kulħadd jixraqlu jgħix aħjar u fil-prosperità.
Għalhekk l-appell tagħna nibqgħu nsostnuh: żewġ popli jistgħu jgħixu biswit xulxin fis-sliem. Nawguraw li dawn l-iżviluppi eventwalment jissarrfu f’paċi dejjiema.