L-eks President Amerikan Donald Trump ħabbar dak li ilu jwiegħed sa mill-aħħar telfa tiegħu mal-President Amerikan Joe Biden – huwa se jkun qiegħed jikkontesta l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2024.
Wara li deher jippreżenta d-dokumenti neċessarji biex jagħmel dan il-pass, Trump indirizza folla ta’ nies f’Mar-a-Lago f’diskors li ħa madwar siegħa. Hekk kif mar biex jieħu postu biex jibda d-diskors tiegħu, Trump ġie introdott bħala l-“President Amerikan li jmiss”.
Hu u jispjega lilu nnifsu dwar din id-deċiżjoni, Trump qal li biex l-Amerka terġa’ tissaħħaħ u tkun mill-ġdid pajjiż glorjuż kien qiegħed jitfa’ l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali tal-2024. Huwa saħaq li minn dak il-ħin stess sal-elezzjoni tal-2024 se jkun qed jiġġieled bħalma ħadd qatt m’għamel qabel biex jegħleb lid-Demokratiċi li qegħdin jippruvaw jeqirdu l-pajjiż. Trump qal li din ma kinitx biss kampanja elettorali għalih, iżda sejħa biex isalva l-pajjiż.
“Qed nitlobkom il-vot tagħkom. Qed nitlobkom għas-sapport”, tenna Trump filwaqt li sostna li jekk hu jirċievi dan is-sapport se jkun qiegħed jikseb il-libertà tal-poplu kollu, uliedu u anke l-ġenerazzjonijiet li jmiss.
Trump temm jisħaq li għadu ġej żmien sabiħ fuq l-Amerka u filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha preżenti, talab li jkunu mbierka.