Monday, February 10, 2025

Trump ineħħi xi privileġġi lil Biden

Analisti jsostnu li din hija biss tpattija

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump neħħa xi privileġġi lil Joe Biden, privileġġi li kull eks President ikollu. Fil-fatt, hu ta ordni biex b’mod immedjat Biden jitneħħilu l-privileġġ ta’ ‘security clearance’.

Dan ifisser li Biden mhux se jibda jkun mgħarraf u avżat kuljum b’intelliġenza li jkollhom f’idejhom is-Servizz Sigriet tal-Istati Uniti.

Trump qal li Biden hu “raġel xiħ”, li għandu “problemi fil-memorja” u anke li “mhux kapaċi jżomm dokumenti u informazzjoni klassifikata”.

Iżda ħafna qegħdin jgħidu li din hi biss tpattija għal dak li kien wettaq Biden fuq Trump fl-2021 meta dan tal-aħħar kien tilef l-elezzjoni presidenzjali.

Dakinhar Biden kien ta ordni biex Trump ma jibqax jiġi mgħarraf b’dak li jkun għaddej mis-Servizz Sigriet.

Kien Trump innifsu li fuq il-midja soċjali waqt li kien f’Mar-a-Lago kiteb li “ma hemm l-ebda bżonn li Biden jibqa’ jirċievi informazzjoni klassifikata. Għalhekk b’mod immedjat qegħdin ineħħu s-’ Security Clearances’ lil Joe Biden u għalhekk mhux se jibqa’ jirċievi informazzjoni kuljum.”

S’issa Biden ma għadda l-ebda kummenti dwar din id-deċiżjoni ta’ Trump.
Lura fis-sena 2021, eżatt wara li Biden ħa l-ġurament tal-46 President tal-Istati Uniti kien għamel l-istess lil Trump fejn dakinhar kien qal li “x’inhu l-valur li jingħata informazzjoni sensittiva tal-Istati Uniti?

Wieħed irid jara li din l-inforazzjoni tasal biss għand persuni responsabbli u mhux għand persuni li jistgħu jiżvelaw din l-istess informazzjoni.”

Intant f’aktar żviluppi, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li hu lest li jerġa’ l-ħbiberija mal-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un. Hu sejjaħ lill-Korea ta’ Fuq bħala “ass kbir għad-dinja.”

Fl-ewwel terminu tiegħu bħala President, Trump kien iltaqa’ ma’ Kim tliet darbiet kif ukoll tkellmu fuq il-telefone kemm-il darba.

“Se jkollna relazzjonijiet mal-Korea ta’ Fuq u b’mod partikolari ma’ Kim Jong Un,” stqarr il-President Trump waqt konferenza tal-aħbarijiet li kien qiegħed jagħti mal-Prim Ministru Ġappuniż Shigeru Ishiba.

Trump sostna li jmur ħafna sew ma’ Kim u jrid ikompli jibni r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

Trump qal li hu kien iddiskuta s-sitwazzjoni fil-Korea ta’ Fuq mal-Prim Ministru Ishiba.

Analisti poliċiti qegħdin isostnu li Donald Trump se jkompli fejn ħalla erba’ snin ilu u se jipprova jibni komunikazzjoni mal-aktar pajjiż imwarrab fid-dinja.

Iżda l-opinjoni pubblika dwar Trump fl-aħħar jiem marret għall-agħar minħabba l-pjani tiegħu dwar il-Medda ta’ Gaża fejn qal li se jkun qiegħed jieħu l-kontroll ta’ din iż-żona.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport