Saturday, November 23, 2024

Trump ireġġa’ lura pjanijiet għal tilqim bikri fil-White House

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President Amerikan Donald Trump reġġa’ lura l-pjan li l-uffiċjali tal-White House jkunu fost l-ewwel li jirċievu l-vaċċin kontra l-Covid-19. 

L-uffiċjali tal-pajjiż kienu qalu li l-amministrazzjoni ta’ Trump se tkun fost l-ewwel li tieħu l-vaċċin ta’ Pfizer/ BioNTech ġewwa l-Istati Uniti, iżda ġara li fl-aħħar sigħat Trump talab biex “isiru aġġustamenti” għal dan il-pjan. 

L-Istati Uniti kienet approvat dan il-vaċċin f’każ ta’ emerġenza u dan beda jingħata mill-bieraħ. Dan il-vaċċin joffri protezzjoni ta’ 95% kontra l-virus. L-ewwel tliet miljun doża qegħdin jiġu mqassma f’numru ta’ lokalitajiet fil-50 stat Amerikan. 

L-ewwel konsinna ta’ vaċċini kienet telqet mill-fabbrika f’Michigan nhar il- Ħadd li għadda. L-anzjani u l-ħaddiema tal-qasam mediku se jkunu fost l-ewwel li jirċievu t-tilqima. 

Matul il-ġurnata tal-Ħadd, il-midja Amerikana kienet qiegħda tirrapporta li l-ħaddiema tal-White House se jkunu fost l-ewwel li jirċievu l-vaċċin. Dan kien wassal għal kritika mill-pubbliku. S’issa għad mhux magħruf għaliex Trump biddel il- pjanijiet. 

L-imwiet kawża tal-Covid-19 ġewwa l-Istati Uniti żdiedu b’mod sostanzjali minn Novembru ’l hawn. Tant hu hekk li sa nhar is-Sibt li għadda biss kien hemm 3,309 mwiet. Il-programm ta’ tilqim qiegħed ikun meqjus bħala kruċjali fil-ġlieda kontra din il-pandemija, li s’issa ħadiet il-ħajja ta’ kważi 300,000 persuna ġewwa l-Istati Uniti biss. Dożi ta’ dan il-vaċċin diġà qed jiġu amministrati fir-Renju Unit filwaqt li dan kiseb ukoll l-approvazzjoni regolatorja tal-Kanada, il-Bahrain u l-Arabja Sawdija. 

Sport