Donald Trump, li se jieħu l-presidenza uffiċjalment fl-20 ta’ dan ix-xahar, ħoloq kontroversja oħra meta reġa’ esprima l-interess li jixtri l-gżira ta’ Greenland. Skont Trump, l-annessjoni u l-kontroll tal-gżira tal-Artiku, li hi territorju awtonomu tad-Danimarka, huma ħtieġa assoluta għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti.
Fid-dawl ta’ dak li jrid Donald Trump, ibnu l-kbir, Don Trump Jr qed jippjana li jżur Greenland. Din iż-żjara se jagħmilha ġimagħtejn wara li missieru tenna x-xewqa tiegħu li l-Istati Uniti tieħu l-kontroll ta’ Greenland.
Trump kien esprima interess matul l-ewwel mandat tiegħu bħala president li jixtri l-gżira tal-Artiku iżda ġie miċħud mill-mexxejja ta’ Greenland f’żewġ okkażjonijiet. F’Diċembru, il-Prim Ministru tal-gżira, Mute Egede fi stqarrija diretta lejn Trump qal li “pajjiżu la huwa u lanqas se jkun għal bejgħ”.
Il-President elett ikkonferma l-vjaġġ ta’ ibnu fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali tiegħu Truth Social nhar it-Tnejn. Huwa qal li Don Jr u diversi rappreżentanti se jivvjaġġaw lejn Greenland biex iżuru wħud mill-aktar żoni u veduti mill-isbaħ tal-pajjiż.
Trump żied jgħid li Greenland u n-nies tagħha jibbenefikaw bil-kbir jekk, u meta, issir parti mill-Istati Uniti.
Greenland tinsab fuq l-iqsar rotta mill-Amerika ta Fuq għall-Ewropa, u tagħmilha importanti strateġikament għall-Istati Uniti. Hija wkoll dar għal faċilità spazjali kbira Amerikana.
Don Jr kellu rwol ewlieni matul il-kampanja elettorali tal-Istati Uniti tal-2024, u deher ta’ spiss waqt manifestazzjonijiet u fil-midja. Iżda mhux se jkun qed jivvjaġġa lejn Greenland f’isem l-amministrazzjoni li jmiss ta’ missieru.
Trump mhuwiex l-ewwel president Amerikan li ried li jixtri Greenland. L-idea tressqet għall-ewwel darba matul is-snin sittin minn Andrew Johnson, is-17-il president tal-pajjiż.
Fl-aħħar ġimgħat, separatament, Trump hedded li jerġa’ jieħu l-kontroll fuq il-Kanal tal-Panama, wieħed mill-aktar passaġġi importanti fid-dinja. Huwa akkuża lill-Panama li qed titlob tariffi eċċessivi għall-aċċess għall-Kanal.
Il-President tal-Panama wkoll wieġeb billi qal li “kull metru kwadru” tal-kanal u l-inħawi tal-madwar kien ta’ pajjiżu.