Il-battalja tal-kliem u l-antagoniżmi bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-multi-biljunarju Elon Musk komplew jisħnu anki minkejja li Musk m’għadux jifforma parti mit-tim ta’ Trump fil-gvern u issa waqqaf it-tielet parti fl-Amerka. Bit-twaqqif tal-partit tiegħu, Musk jgħid li qed iniedi pjan politiku ġdid fl-Istati Uniti.
Il-ħolqien tal-partit ta’ Musk kien ikkritikat bil-qawwa minn Trump li qal li huwa redikoli li jkun hemm it-tielet partit fl-Istati Uniti. Trump għamel din l-istqarrija waqt li tkellem mar-rapporters nhar il-Ħadd fejn ġie kkwotat li qal li s-sistema dejjem kienet b’żewġ partiti u jaħseb li l-bidu ta’ partit ieħor iżid biss mal-konfużjoni.
Wara li kien ilu jqajjem l-idea għal ġimgħat sħaħ, Musk kiteb fuq il-pjattaforma X matul tmiem din il-ġimgħa li kien waqqaf il-Partit Amerikan biex jisfida s-sistema ta’ żewġ partiti, dak Repubblikan u dak Demokratiku.
Qabel il-firda bejniethom, Trump u Musk kienu alleati mill-qrib, bil-kap tal-kumpanija tal-vetturi elettriċi Tesla jmexxi d-Dipartiment tal-Effiċjenza tal-Gvern (Doge), li huwa kien inkarigat li jgħin fit-tnaqqis tal-infiq federali.
Musk, li nefaq aktar minn 250 miljun dollari f’appoġġ għall-kampanja elettorali ta’ Trump, ikkritika ripetutament il-politiki tal-gvern Amerikan li jżid d-dejn nazzjonali tal-Istati Uniti.
Nhar il-Ħadd, Musk qal li filwaqt li l-partit il-ġdid li huwa waqqaf jista’ jappoġġja kandidat presidenzjali f’xi punt, iżda l-attenzjoni għat-12-il xahar li ġejjin se tkun fuq il-Kamra tad-Deputati u s-Senat.
Bil-pjan tat-taxxa u l-infiq li l-president Trump iffirma f’liġi fl-4 ta’ Lulju, intemm is-sussidju fit-taxxa għall-vetturi elettriċi fosthom dawk tal-marka Tesla, il-kumpanija ta’ Elon Musk.
Il-leġiżlazzjoni ġdida tinkludi żieda kbira fl-infiq għas-sigurtà tal-fruntieri, id-difiża u l-produzzjoni tal-enerġija, żieda li se tkompli tkabbar id-defiċit tal-Gvern. Parti għal dan l-infieq se jagħmlu tajjeb għalih it-tnaqqis kontroversjali fil-kura tas-saħħa u l-programmi ta’ appoġġ għall-ikel