Wara li ġimgħat ilu qal li jrid jieħu lura f’idejħ il-gżira ta’ Greenland u l-Kanal tal-Panama, il-President Amerikan Donald Trump issa ħolom li jrid li l-Istati Uniti “jieħdu f’idejhom” lil Gaża mingħand il-Palestinjani u jibdluha “f’ġenna tal-art u stabilita tal-Lvant Nofsani”
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-White House mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, nhar it-Tlieta Trump qal li “L-Istati Uniti se tieħu f’idejha l-Istrixxa ta’ Gaża, u l-Istati Uniti jkunu proprjetarji ta’ din l-art”.
Qal li l-Palestinjani jistgħu jiġu rilokati ‘l bogħod minn Gaża,
u ssuġġerixxa li l-Palestinjani għandhom jitilqu minn hemm u jmorru f’partijiet tal-Ġordan, l-Eġittu u pajjiżi oħra fil-qrib. Il-Ġordan u l-Eġittu iżda rrifjutaw l-idea li l-Palestinjani jiġu mċaqilqa minn arthom, filwaqt li l-ambaxxatur Palestinjan għan-Nazzjonijiet Uniti (NU) sostna li “art twelidna hija art twelidna”
Osservaturi u kummentaturi rrilevaw li huwa diffiċli wieħed jgħid jekk Trump, b’dak li jgħid ikunx qed jiċċajta jew bis-serjeta. Ma’ Trump, huwa diffiċli li tgħid.
Din il-proposta mhix ġdida. Il-president Trump kien diġa qajjem l-istess idea waqt li kien qed jitkellem mal-ġurnalisti abbord l-ajruplan presidenzjali, l-Air Force One, ix-xahar li għadda.
Dakoinhar ukoll, il-mexxejja tal-Eġittu u l-Ġordan ċaħdu b’mod ċar l-idea, u stqarrija konġunta minn diversi pajjiżi u organizzazzjonijiet tal-Lvant Nofsani wissiet li l-mossa ta’ Trump tista’ “thedded l-istabbiltà tar-reġjun, tissogra li tespandi l-kunflitt, u timmina l-prospetti għall-paċi u l-koeżistenza fost il-popli fil-Lvant Nofsani”.
Wara l-kummenti ta’ Trump, nhar it-Tlieta filgħaxija, l-Arabja Sawdija reġgħet affermat il-pożizzjoni “soda” tagħha li mhux se tistabbilixxi rabtiet ma’ Iżrael mingħajr il-ħolqien ta’ stat Palestinjan.
Riyad Mansour, l-ambaxxatur Palestinjan għan-NU, qal li l-poplu ta’ Gaza jrid jirritorna lejn djarhom u jerġgħu jibnu mill-ġdid “għax dan huwa l-post fejn jappartjenu u jħobbu jgħixu.” Huwa żied jgħid li l-mexxejja għandhom jirrispettaw ix-xewqat tal-poplu Palestinjan.
Ftit wara li Trump ta l-konferenza stampa tiegħu fil-White House li fiha qal li ried li l-Istati Uniti “jieħdu f’idejhom” Gaża, l-uffiċjal tal-Ħamas Sami Abu Zuhri sejjaħ il-proposta bħala waħda “ridikola” u “assurda”.
Abu Zuhri wieġeb ukoll għas-suġġeriment preċedenti ta’ Trump li n-nies ta’ Gaża għandhom jiġu risistemati f’pajjiżi fil-viċin, u sejħilha riċetta għall-ħolqien ta’ kaos u tensjoni fir-reġjun.
“Il-poplu tagħna fl-Istrixxa ta’ Gaża mhux se jħalli dawn il-pjanijiet jgħaddu. Dak li hu meħtieġ huwa t-tmiem tal-okkupazzjoni u l-aggressjoni kontra l-poplu Palestinjan, mhux it-tkeċċija tagħhom minn arthom,” huwa qal lil bosta mezzi tal-midja.