Il-President Donald Trump qiegħed iwissi li jibgħat il-militar biex iwaqqfu l-protesti li komplew bla waqfien sa minn meta ġriet l-aħbar tal-mewt ta’ raġel ta’ karnaġġjon skur li miet waqt li kien qiegħed jinżamm mill-Pulizija.
Huwa qal li jekk f’xi bliet u stati se jkun hemm falliment fil-kontroll ta’ dawn il-protesti u b’hekk tonqos is-sigurtà tar-residenti se jkun qiegħed isolvi l-problema “malajr” billi jibgħat l-ordni militari.
Il-protesti li segwew il-mewt ta’ George Floyd komplew jeskalaw fl-aħħar jiem. Erba’ uffiċjali ntlaqtu minn tiri u konsegwentament indarbu f’każ li żvolġa fl-aħħar sigħat f’St Louis f’Missouri.
Il-protesti qed ikomplu jinfirxu madwar il-pajjiż bl-aħħar jiem jaraw mal-75 belt issemma leħinha dwar dan l-allegat qtil.