Donald Trump aċċetta li tibda t-tranżizzjoni formali presidenzjali ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerika biex il-President elett Joe Biden jidħol fil-kariga.
Il-President Trump qal li l-aġenzija federali li tara li jkun hemm tranżizzjoni tal-poter għandha “tagħmel dak li hemm bżonn”, u dan minkejja li hu wiegħed li se jibqa’ jikkontesta r-riżultat elettorali. Il-General Services Administration (GSA) irrikonoxxiet li Biden huwa “apparentament ir-rebbieħ” fl-elezzjonijiet presidenzjali.
Dan kollu seħħ hekk kif Biden kiseb rebħa uffiċjali fl-istat ta’ Michigan, li hija daqqa ta’ ħarta kbira għat-tamiet ta’ Trump. It-tħabbira tal-GSA tfisser li issa l-president-elett se jkollu aċċess lejn laqgħat ta’ sigurtà għolja, spazju ta’ uffiċċju kif ukoll uffiċjali governattivi taħtu. Dan hekk kif hu qiegħed jipprepara li jibda uffiċjalment fil-kariga fl-20 ta’ Jannar li ġej. Fid-dawl ta’ dan, fis-sigħat li ġejjin Biden mistenni jibda jħabbar il-persuni li se jkunu qegħdin jokkupaw l-iktar karigi importanti.
It-tim Biden laqa’ b’mod pożittiv ħafna din l-aħbar hekk kif issa l-perjodu ta’ tranżizzjoni lejn president Demokratiku tkun tista’ tibda. Stqarrija maħruġa mit-tim ta’ Biden kienet tgħid li, “id-deċiżjoni tal-lum hija pass importanti biex il-pajjiż tagħna jibda jiffaċċja għadd ta’ sfidi, fosthom li l-pandemija tinġieb taħt kontroll u li l-ekonomija terġa’ tibda tqum fuq saqajha.”
Minkejja li Trump qal li l-GSA tista’ tibda twettaq il-ħidma tagħha, dan ma jfisserx li huwa ċeda, anzi huwa kompla jsostni l-allegazzjonijiet infondati ta’ korruzzjoni fl-elezzjoni. Tajjeb li jingħad li Trump m’għandux għalfejn jikkonċedi biex Biden ikun jista’ jingħata l-ġurament bħala s-46 President tal-Istati Uniti tal- Amerika.