Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li jinsab fi stat “perfett” ta’ saħħa, qed jieħu aktar aspirina milli rakkomandat mit-tobba, juża make-up biex jgħatti tbenġil fuq idejh u li mhux jagħmel eżerċizzju regolari għaliex iqisu bħala “tad-dwejjaq”.
F’intervista twila fuq saħħtu ma’ The Wall Street Journal, Trump iċċara li kienet saritlu CT Scan f’Ottubru, wara li “b’mod żbaljat” kien qal lill-ġurnalisti li kien għamel MRI Scan.
Il-Journal sostna li Trump “esprima rritazzjoni dwar id-dibattitu pubbliku b’rabta ma’ saħħtu”. Trump tenna li ilu jieħu dożi ta’ aspirina aktar minn dawk rakkomandati għal dawn l-aħħar 25 sena, minkejja li ammetta li dan iwasslu biex jitbenġel faċilment.
Qal li ma jridx ibiddel ir-rutina tiegħu wara tant snin. “Jien ftit superstizzjuż,” qal Trump.
Fl-istess intervista, il-President Trump qal li jippreferi ma jagħmel ebda forma ta’ eżerċizzju regolari, għajr għall-golf. “Sempliċiment ma nħobbx nagħmel dan. Tad-dwejjaq. Li timxi jew tiġri fuq treadmill għal sigħat twal bħalma jagħmlu xi wħud, dak mhux għalija.”
Trump sostna wkoll li ma kienx raqad waqt laqgħat pubbliċi, fejn qal li xi kultant iħobb jagħlaq għajnejh għax isibha “rilassanti”. Dwar it-tbenġil fuq idejh, Trump qal li huwa qed iġorr make-up miegħu f’każ li jolqot idu.

