Waqt business roundtable f’Abu Dhabi, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li jixtieq jiltaqa’ mal-President Russu Vladimir Putin malajr kemm jista’ jkun.
Trump ripetutament qal li kien lest li jivvjaġġa lejn it-Turkija biex ikun involut fl-ewwel taħditiet diretti għall-paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna wara aktar minn tliet snin, u insista li “mhu se jiġri xejn” qabel ma jiltaqa’ mal-President Russu wiċċ imb wiċċ.
Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky ivvjaġġa lejn it-Turkija iżda qal li mhux se jattendi t-taħditiet, wara li l-kontroparti Russu tiegħu rrifjuta t-talbiet tiegħu għal negozjati wiċċ imb wiċċ.
Putin kien ippropona taħditiet diretti, l-ewwel tax-xorti tagħhom minn wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna fi Frar 2022, iżda r-Russja bagħtet delegazzjoni ta’ livell aktar baxx.
Sadanittant, l-insistenza ta’ Trump fuq l-importanza li jiltaqa’ ma’ Putin, li għalih esprima ammirazzjoni fil-passat, tikkontrasta bil-kbir mal-pożizzjoni tal-President preċedenti tal-Istati Uniti Joe Biden, li insista li l-Ukrajna nnifisha biss għandha tinnegozja dwar il-futur tagħha.
Trump ikkummenta wkoll dwar is-sitwazzjoni f’Gaża, fejn qal lill-ġurnalisti kif l-Istati Uniti kienu se “tieħu ħsieb” is-sitwazzjoni, u li n-nies kienu qed imutu bil-ġuħ f’dan it-territorju Palestinjan. “Qed inħarsu lejn Gaża. U se nieħdu ħsieb dan. Ħafna nies qed imutu bil-ġuħ,” qal Trump.
L-Iżrael impona imblokk għal aktar minn xahrejn fuq Gaża, u wassal lill-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti u gruppi umanitarji oħra biex iwissu dwar tnaqqis fil-provvisti tal-fjuwil u l-mediċini fit-territorju ta’ 2.4 miljun Palestinjan. Ċaħad ukoll ripetutament li hemm kriżi umanitarja fl-Istrixxa ta’ Gaża.