F’intervista li ta lil NBC News, il-President Amerikan Donald Trump qal li l-Iran irid jilħaq ftehim iżda huwa ma kienx lest li jagħmel dan issa għax “it-termini għadhom mhumiex tajbin biżżejjed.”
Filwaqt li rrifjuta li jgħid x’se jkunu dawk it-termini, Trump sostna li impenn Iranjan li jabbanduna kwalunkwe ambizzjoni nukleari jkun parti minn ftehim potenzjali.
Fl-istess intervista, Trump qal ukoll li ra diversi pajjiżi jimpenjaw ruħhom li jgħinu fir-rigward tal-Istrett ta’ Hormuz, għalkemm irrifjuta milli jsemmi dawn il-pajjiżi.
Trump qal ukoll li l-Istati Uniti “qerdet kompletament” il-gżira Kharg – ċentru kritiku għall-esportazzjonijiet taż-żejt Iranjan – iżda żied jgħid li jistgħu jolqtuha xi drabi oħra “għall-gost.”
Huwa wkoll warrab il-biżgħat dwar iż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt. “Hemm tant żejt, gass – hemm tant hemm barra, iżda taf, bħalissa qed ikun imblukkat ftit. Dalwaqt jerġa’ jiġi miftuħ,” qal Trump.
Sadanittant, id-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti identifika s-sitt suldati li tilfu ħajjithom meta ajruplan militari ta’ riforniment bil-fjuwil iġġarraf fl-Iraq nhar il-Ħamis li għadda.
Fi stqarrija maħruġa s-Sibt, il-vittmi ġew identifikati bħala John A. Klinner, Ariana G. Savino, Ashley B. Pruitt, Seth R. Koval, Curtis J. Angst u Tyler H. Simmons. Huma kienu membri tal-ekwipaġġ ta’ ajruplan KC-135, tanker li kien involut f’operazzjonijiet kontinwi tal-Istati Uniti kontra l-Iran.
Il-Pentagon qal li l-inċident għadu taħt investigazzjoni.

