Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump akkuża lill-President Ċniż Xi Jinping li qed jikkonfoffa kontra l-Istati Uniti mal-mexxejja tar-Russja u l-Korea ta’ Fuq. Il-kummenti ta’ Trump saru waqt li iċ-Ċna stiednet lill-mexxejja dinjija għall-akbar parata ta’ Jum il-Vitorja li qatt saret f’Beijing nhar l-Erbgħa.
F’post fuq il-paġna tiegħu fis-sit elettroniku Truth Social, Trump sarkastikament ħeġġeġ lil Xi Jinping biex isellilu bil-qalb għal Vladimir Putin u Kim Jong Un fl-istess waqt li akkuża lil Xi li qed jikkonspira kontra l-Istati Uniti tal-Amerika.
Fuq il-midja soċjali, il-president tal-Istati Uniti semma wkoll l-ammont massiv ta’ appoġġ li l-Istati Uniti taw liċ-Ċna matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-parata taċ-Ċna nhar l-Erbgħa immarkat it-80 sena minn meta l-Ġppun ċeda fil-gwerra u r-rebħa taċ-Ċna kontra forza ta’ okkupazzjoni.
Għall-parata attendew 26 kap ta’ stat, inklużi Kim Jong Un tal-Korea ta’ Fuq u Vladimir Putin, meqjusa minn xi osservaturi bħala messaġġ lill-pajjiżi tal-punent. Ftit ilu Trump kien irrifjuta suġġerimenti li l-qrubija tar-relazzjonijiet bejn iċ-Ċna, ir-Russja u nazzjonijiet oħra toħloq sfida għall-Istati Uniti fix-xena globali.
Iċ-Ċna fittxet li tippożizzjona lilha nnifisha bħala kontraparti possibbli għall-Istati Uniti minn meta t-tariffi ta’ Trump ħasdu l-ordni ekonomiku u politiku globali. Trump ippreżenta t-tariffi tiegħu bħala essenzjali għall-protezzjoni tal-interessi u l-industrija Amerikana.
F’intervista li kien ta, Trump kien sostna li ma jemminx li ċ-Ċna u l-alleati tagħha kienu qed jippruvaw jiffurmaw koalizzjoni internazzjonali biex jopponu lill-Istati Uniti. Għall-kuntrarju, huwa stqarr li għandu relazzjoni tajba ħafna mal-President Ċniż Xi Jinping.
Huwa qal lill-programm tar-radju ta’ Scott Jennings li l-Amerika għandha l-aktar forzi militari qawwija fid-dinja u li ħadd mhu se juża il-forzi militari tiegħu kontra l-Istati Uniti.
F’partijiet oħra tal-intervista, Trump qal li kien “diżappuntat ħafna” b’Putin, wara li ma rnexxilhomx jilħqu ftehim ta’ paċi għall-Ukrajna waqt il-laqgħa tagħhom fl-Alaska x-xahar li għadda.
Iċ-Ċna ma kkritikatx l-invażjoni fuq skala sħiħa ta’ l-UKrajna u ġiet akkużata mill-Punent li qed tgħin l-isforz tal-gwerra tar-Russja permezz tal-provvista tagħha ta’ materjali b’użu doppju u x-xiri taż-żejt Russu. Beijing tiċħad dan.