Donald Trump qal li qed tiġi organizzata laqgħa bejnu u bejn il-President Russu Vladimir Putin. Il-President elett Amerikan iżda ma ta l-ebda dettalji tal-skeda ta’ żmien għal meta u fejn tista’ ssir il-laqgħa bejniethom.
Min-naħa l-oħra, ikkwotat mill-aġenzija tal-aħbarijiet Russa Tass, il-kelliem ewlieni tal-Kremlin, Dmitry Peskov qal li l-Istati Uniti għadha ma talbitx formalment laqgħa mal-President Putin.
Trump kien wiegħed li se jinnegozja t-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna ftit wara li jieħu l-kariga fl-20 ta’ Jannar 2025 u esprima xettiċiżmu dwar l-appoġġ militari u finanzjarju tal-Istati Uniti tagħti lill-Ukrajna.
Trump innomina lil Keith Kellogg, eks konsulent tas-sigurtà nazzjonali u Logutenent Ġenerali rtirat fil-militar Amerikan, biex ikun il-mibgħut speċjali għall-Ukrajna u r-Russja għat-tieni amministrazzjoni ta’ Trump.
Kellogg stabbilixxa l-ideat tiegħu dwar kif l-Istati Uniti jistgħu jġibu tmiem il-gwerra f’dokument ta ‘riċerka ppubblikat mit-think thank ‘America First Policy Institute’, li huwa favur Trump, f’April tas-sena l-oħra.
Kellog ippropona li l-Ukrajna għandha tieħu aktar għajnuna mill-Istati Uniti biss jekk taqbel li tipparteċipa f’taħditiet ta’ paċi ma’ Moska. Huwa ssuġġerixxa wkoll li jekk Moska tirrifjuta li tieħu sehem fit-taħditiet allura l-Istati Uniti għandhom ikomplu bl-għajnuna lill-Ukrajna.
Wara r-rebħa ta’ Trump fl-elezzjoni f’Novembru 2024, il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li jemmen li, bi Trump bħala president, il-gwerra se “tispiċċa qabel” milli kieku kienet.
Huwa qal li t-tnejn kellhom “skambju kostruttiv” bit-telefon, għalkemm ma qalx jekk Trump kienx għamel xi talbiet dwar taħditiet possibbli mar-Russja.