L-Istati Uniti ħabbret sanzjonijiet ġodda li fil-mira tagħhom hemm żewġ kumpaniji kbar taż-żejt tar-Russja – Rosneft u Lukoil – bħala parti minn sforzi biex issir pressjoni fuq Moska sabiex tinnegozja ftehim ta’ paċi fl-Ukrajna.
“Kull darba li nitkellem ma’ Vladimir, ikolli konverżazzjonijiet tajbin iżda li ma jwasslu mkien,” qal il-President tal-Istati Uniti Donald Trump f’kummenti li ta wara laqgħa li kellu mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Mark Rutte bil-għan li jiġu diskussi n-negozjati dwar il-paċi.
It-tħabbira tas-sanzjonijiet saret jum wara li Trump qal li l-laqgħa ppjanata mal-President Russu Vladimir Putin f’Budapest kienet se tiġi posposta għal żmien indefinit.
L-Erbgħa li għadda, ir-Russja kompliet bl-attakki tagħha fuq l-Ukrajna, li ħallew minn tal-inqas seba’ persuni mejta, inklużi tfal.
Is-Segretarju tat-Teżor tal-Istati Uniti Scott Bessent qal li dawn is-sanzjonijiet ġodda kienu meħtieġa minħabba “r-rifjut ta’ Putin li jtemm din il-gwerra bla sens.” Huwa allega li dawn il-kumpaniji taż-żejt kienu qed “jiffinanzjaw il-magna al-gwerra” tal-Kremlin. “Wasal iż-żmien biex jieqaf il-qtil u għal waqfien immedjat mill-ġlied,” qal Bessent.
Sadanittant, waqt li kien qed jitkellem ma’ Rutte fl-Oval Office l-Erbgħa li għadda, Trump ikkritika lil Putin talli ma kienx serju dwar il-paċi u esprima t-twemmin tiegħu li s-sanzjonijiet se jgħinu biex isir pass ’il quddiem. “Sempliċiment ħassejt li wasal il-mument. Ilna nistennew żmien twil,” qal Trump.