Thursday, September 18, 2025

Trump jhedded li jeqred il-midja tax-xellug Amerikana

Aqra wkoll

Wara li fetaħ kawża għad-danni ta’ $15-il biljun kontra n-New York Times (NYT), Donald Trump issa qed iwiegħed, anzi jhedded, li se jeqred il-“midja tax-xellug radikali” li skont hu qed tkisser l-Istati Uniti.

Fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali tiegħu Truth Social, il-president tal-Istati Uniti kiteb li s-sentiment predominanti huwa li l-midja tax-xellug radikali qed taħdem ħafna biex teqred l-Istati Uniti, u l-amministrazzjoni tiegħu se tieqfilhom u twaqqafhom f’kull livell.

Fil-kawża li ressaq fil-Qrati ta’ Florida, Trump akkuża lin-New York Times li xerred kontenut “falz u malafamanti” fil-konfront tiegħu.

Bi tweġiba għal din l-akkuża, kelliem għan-NYT qal li din il-kawża m’għandha l-ebda mertu, ma fiha l-ebda pretensjoni legali leġittima u hija tentattiv biex trażżan u tiskoraġġixxi r-rappurtaġġ ġurnalistiku indipendenti.

Il-kelliem żied jenfasizza li n-New York Times mhux se jibża’ minn tattiċi ta’ intimidazzjoni u se jkompli jsegwi l-fatti mingħajr biża’ jew favur u jiddefendi d-dritt tal-ġurnalisti li jistaqsu mistoqsijiet f’isem il-poplu Amerikan.

Dan il-każ huwa l-aħħar minn sensiela ta’ kawżi ta’ diversi biljuni ta’ dollari li Trump fetaħ kontra l-midja Amerikana minn mindu ġie elett president u rritorna fil-White House.

Donald Trump fetaħ kawża ta’ malafama ta’ $15-il biljun fl-aħħar azzjoni tiegħu mmirata lejn mezz ewlieni tal-midja. Il-president Trump akkuża lill-ġurnal li kien “għodda” f’idejn il-partit Demokratiku u li “xerred kontenut falz u malafamanti” dwaru.

In-New York Times qal il-ġimgħa li għaddiet li kien mhedded b’azzjoni legali mill-White House wara artikli dwar nota ta’ għeluq snin lill-mejjet delinkwent sesswali Jeffrey Epstein. In-nota għandha l-firma ta’ Trump iżda l-president ċaħad li kien l-awtur tagħha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport