Wednesday, February 11, 2026

Trump jhedded li jimblokka l-ftuħ ta’ pont bejn l-Istati Uniti u l-Kanada

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qed ikompli juri l-karattru kontroversjali tiegħu meta issa qed jhedded li jimblokka l-ftuħ ta’ pont li jgħaqqad l-Istati Uniti u l-Kanada u dan se jagħmlu sakemm Washington tiġi kkumpensata għal dak kollu li tat lill-ġar tagħha fit-Tramuntana.

Il-Pont Internazzjonali Gordie Howe, li jgħaqqad il-provinċja Kanadiża ta’ Ontario mal-istat Amerikan ta’ Michigan, mhux se jiftaħ qabel ma l-Kanada tittratta lill-Istati Uniti bil-Ġistizzja u r-Rispett li jistħoqqilna, kiteb Trump fuq il-midja soċjali.

Skont il-website tal-proġett, il-pont qed jiġi ffinanzjat mill-Gvern Kanadiż iżda se jkun proprjetà pubblika kemm tal-Kanada kif ukoll tal-Istat ta Michigan. Mhux ċar kif Trump jista’ jimblokka l-ftuħ tal-pont iżda qal li n-negozjati se jibdew immedjatament, mingħajr ma ta wisq dettalji.

Il-pont, li jgħaddi minn fuq ix-Xmara Detroit, mistenni jiftaħ għat-traffiku wara li jsiru t-testijiet formali u jinkisbu l-approvazzjonijiet meħtieġa fil-bidu ta’ din is-sena. Il-kostruzzjoni bdiet fl-2018, iżda l-proġett ilu fiċ-ċentru ta’ tilwima bejn il-pajjiżi aktar minn għaxar snin. Huwa stmat li se jkun sewa 6.4 biljun dollari kanadaiżi, skont il-Canadian Broadcasting Corporation.

Fid-dikjarazzjoni fuq il-pjattaforma tiegħu Truth Social, Trump qal li l-Istati Uniti għandhom jippossjedu mill-inqas nofs l-assi tal-pont, u qal dan anki minkejja li l-Kanada tippossjedi kemm in-naħa Kanadiża kif ukoll dik Amerikana tal-pont.

L-organizzazzjoni li qed tiżviluppa l-pont, il-Windsor-Detroit Bridge Authority, hija kompletament proprjetà tal-gvern Kanadiż, skont il-websajt tal-proġett.

Trump kompla kiteb hekk fuq il-midja soċjali “il-Gvern Kanadiż jistenna minni, bħala President tal-Istati Uniti, li nippermettilhom li sempliċement jieħdu vantaġġ mill-Amerika! Mhux se nħalli dan il-pont jinfetaħ sakemm l-Istati Uniti ma jiġux ikkumpensati bis-sħiħ għal dak kollu li tajniehom.”

Il-familja Moroun – is-sidien Amerikani tal-Ambassador Bridge li jgħaqqad ukoll Detroit mal-Kanada – kienu appellaw lil Trump matul l-ewwel mandat tiegħu biex iwaqqaf il-kostruzzjoni tal-pont il-ġdid, billi argumentaw li dan kien se jkisser il-kapaċità esklussiva tagħhom li jiġbru t-tariffi.

Bi tweġiba, Trump u l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Justin Trudeau kienu ħarġu stqarrija konġunta li fiha qalu li l-pont kien “rabta ekonomika vitali” bejn iż-żewġ pajjiżi.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport