Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump għadu għaddej bir-retorika u l-politika tiegħu ta’ theddid. Issa wasal biex jhedded li jimponi tariffi ogħla fuq dawk il-pajjiżi li skont hu jistgħu jew se “jilagħbu logħob” bi ftehimiet kummerċjali riċenti, wara li l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti mblukkat ħafna mit-tariffi globali kbar.
It-twissija ta’ Trump waslet hekk kif pajjiżi madwar id-dinja ħabbru li kienu qed jevalwaw liema tariffi u ftehimiet kummerċjali se jibqgħu fis-seħħ wara d-deċiżjoni tal-Qorti li waqqfet il-biċċa l-kbira tat-tariffi li Trump impona s-sena li għaddiet.
Trump wissa lill-pajjiżi kontra l-użu tad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema biex jirtiraw mill-impenji kummerċjali li saru b’reazzjoni għat-tariffi tas-sena l-oħra. L-Unjoni Ewropea qalet nhar it-Tnejn li se tissospendi r-ratifika tagħha ta’ ftehim li ntlaħaq matul is-sajf filwaqt li l-Indja wkoll qalet li se tipposponi t-taħditiet skedati biex tiffinalizza ftehim reċenti.
“Kwalunkwe Pajjiż li jrid jilgħab bid-deċiżjoni redikola tal-Qorti suprema, speċjalment dawk li allegatament “serqu” lill-Istati Uniti għal snin sħaħ, u anke għexieren ta’ snin, se jiffaċċja tariffa ferm ogħla u agħar minn dik li għadhom kif qablu dwarha dan l-aħħar,” kiteb Trump fuq Truth Social.
It-theddid li għamel huwa indikazzjoni ċara tal-kaos li nqala’ wara li l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti nhar il-Ġimgħa annullat it-tariffi mħabbra minn Trump fir-rebbiegħa li għaddiet skont l-Att Internazzjonali dwar is-Setgħat Ekonomiċi ta’ Emerġenza (IEEPA) tal-1977.
Il-Qorti qalet li l-liġi ma awtorizzatx lill-President li jimponi t-tariffi, li huma taxxa fuq l-importazzjonijiet imħallsa minn negozji li jdaħħlu oġġetti fil-pajjiż. Trump wieġeb billi ħabbar tariffa globali ġdida ta’ 10% bl-użu ta’ liġi differenti, li malajr żiedha għal 15%.
Dik il-miżura, li minnha xi prodotti huma eżentati, daħlet fis-seħħ ilbieraħ. Iżda ħafna pajjiżi qalu li baqgħu inċerti dwar l-istatus tal-ftehimiet innegozjati wara l-miżuri tariffarji inizjali ta’ Trump, meta ħafna pajjiżi talbu imposti aktar baxxi fuq l-oġġetti tagħhom bi skambju għal wegħdiet ta’ investimenti jew konċessjonijiet oħra maħsuba biex jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji Amerikani biex jagħmlu negozju barra mill-pajjiż.
It-Tnejn li għadda, ir-Renju Unit qal li kien qed jagħmel pressjoni fuq l-uffiċjali Amerikani għal tweġibiet dwar jekk il-ftehim tiegħu – li kien stabbilixxa tariffi ta’ 10%, taħt ir-rata ta’ 15% li Trump ħabbar nhar is-Sibt – kienx se jdum fis-seħħ.
Bernd Lange, President tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament Ewropew, qal li l-kumitat kien issospenda l-approvazzjoni tiegħu tal-ftehim li l-Istati Uniti u l-UE approvaw f’Lulju u żied jgħid li s-sitwazzjoni issa hija aktar inċerta minn qatt qabel.
B’effett ta’ dan it-taqlib kollu, l-ishma fl-Istati Uniti niżlu nhar it-Tnejn, bl-S&P 500 jonqos b’madwar 1% – parzjalment minħabba l-inċertezza kummerċjali, li ħafna analisti u negozji jistennew li tkompli.
It-tariffi l-ġodda ta’ 15% għandhom jiskadu wara l-perjodu ta’ 150 jum sakemm il-Kungress Amerikan ma jivvotax biex jestendihom. Trump iżda argumenta f’post fuq il-midja soċjali nhar it-Tnejn li ma kellux bżonn l-approvazzjoni tal-Kungress.
Id-Demokratiċi fis-Senat wissew li se jimblokkaw kwalunkwe tentattiv biex jestendu d-dazji u se jistinkaw biex iwaqqfu milli jitkompla “l-massakru ekonomiku ta’ Trump,” qal Chuck Schumer, il-mexxej tal-Minoranza fis-Senat.
It-tariffi ta’ Trump mhumiex popolari lanqas fost xi Repubblikani.

