Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump għadu jemmen li huwa jikkmanda lid-dinja u li d-dinja għandha tagħmel dak li jrid hu u kif irid hu. Saħansitra anki wasal li jindaħal fis-sistema ġudizzjarja tal-Brażil. Issa qal ukoll li qed jippjana li jimponi taxxa ta’ 50% fuq oġġetti magħmula fil-Brażil, u b’hekk aggrava l-ġlieda tiegħu mal-pajjiż tal-Amerika t’Isfel.
Huwa ħabbar dan il-pjan fl-aħħar ittra tiegħu dwar it-tariffi, li ġiet imxerrda fuq il-midja soċjali. Fiha, Trump akkuża lill-Brażil b’“attakki” fuq kumpaniji tat-teknoloġija tal-Istati Uniti u li qed iwettaq “witch hunt” kontra l-eks president tal-lemin estrem Jair Bolsonaro, li qed jiffaċċja akkużi minħabba r-rwol allegat tiegħu fi pjan ta’ kolp ta’ stat biex idawwar ir-riżultat tal-elezzjoni tal-2022 fil-Brażil. Huwa jrid li l-akkużi kontra Bolsonaro għandhom jitwaqqgħu.
Fi tweġiba f’post fuq il-midja soċjali, il-President Brażiljan Luiz Inácio Lula da Silva qal li l-Brażil se jirreċiproka kull żieda fit-tariffi u wissa wkoll kontra kwalunkwe indħil fis-sistema ġudizzjarja tal-Brażil.
Trump kellu argument ma’ Lula dwar il-proċess ta’ Bolsonaro aktar kmieni din il-ġimgħa. Lula qal li l-Brażil ma kienx se jaċċetta “indħil” mingħand ħadd u żied jgħid li “ħadd mhu ’l fuq mil-liġi.”
Nhar l-Erbgħa, Trump qal li tariffa ta’ 50% fuq l-importazzjonijiet tar-ram, li ħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa, se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu. Huwa qal f’post fuq il-midja soċjali li d-deċiżjoni ttieħdet minħabba tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali.
Trump bagħat ittra lil 22 pajjiż madwar id-dinja din il-ġimgħa, inklużi sħab kummerċjali bħall-Ġappun, il-Korea t’Isfel u s-Sri Lanka, fejn spjega t-tariffi ġodda fuq il-prodotti tagħhom li jgħid li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu.
Dawk il-passi servew biex reġgħu qajmu l-pjanijiet li kien ressaq f’April li għadda, iżda li ġew sospiżi wara li s-swieq finanzjarji rrifjutaw il-miżuri ta’ Trump.
Iżda l-messaġġ lill-Brażil kien messaġġ ferm aktar immirat u hedded żieda sinifikanti mit-tariffa ta’ 10% li l-White House kienet ħabbret qabel fuq oġġetti impurtati mill-pajjiż.
Fl-ittra tiegħu, Trump akkuża lill-gvern Brażiljan b’attakki fuq l-Elezzjonijiet Ħielsa, u d-Drittijiet fundamentali tal-Libertà tal-Espressjoni tal-Amerikani, inkluża ċ-ċensura tal-pjattaformi tal-Midja Soċjali tal-Istati Uniti.
Il-kumpanija tiegħu, Trump Media, li topera l-pjattaforma Truth Social, hija fost il-kumpaniji tat-teknoloġija tal-Istati Uniti li qed jiġġieldu d-deċiżjonijiet tal-qorti Brażiljana dwar ordnijiet li jissospendu l-kontijiet tal-midja soċjali.
Il-Brażil kien ipprojbixxa wkoll temporanjament il-pjattaforma X ta’ Elon Musk, li qabel kien magħruf bħala Twitter, wara li l-pjattaforma rrifjutat li tipprojbixxi kontijiet li l-Brażil qies li kienu qed ixerrdu informazzjoni żbaljata dwar l-elezzjoni presidenzjali Brażiljana tal-2022.
Ix-xahar li għadda, il-Qorti Suprema tal-Brażil iddeċidiet li l-kumpaniji tal-midja soċjali jistgħu jinżammu responsabbli għal dak kollu li jippubblikaw fuq il-pjattaformi tagħhom.