Wednesday, March 18, 2026

Trump: “Jien m’għamilt xejn ħażin”

Pressjoni ġdida għall-impeachment tal-President Amerikan…

Aqra wkoll

Il-politika Amerikana reġgħet daħlet f’fażi ta’ tensjoni qawwija hekk kif f’Washington qiegħda tikber il-pressjoni mis-Senat Amerikan biex il-President Amerikan Donald Trump jiffaċċja diskussjoni ġdida dwar il-possibbiltà ta’ impeachment. Formalment, il-proċess Kostituzzjonali Amerikan jibda fil-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti u mhux fis-Senat iżda, fil-politika Amerikana ħafna drabi l-battalji reali jibdew ħafna qabel ma jsir vot formali. Bħalissa qegħdin nassistu għal xenarju fejn Washington reġa’ dieħel f’fażi oħra ta’ konfront politiku akkanit.

Jekk il-kwistjoni tal-impeachment ta’ Trump terġa’ tieħu forma konkreta, l-Istati Uniti tista’ tgħaddi minn kriżi bla preċedent. Dan il-President Amerikan matul l-ewwel presidenza tiegħu – fl-2019 u fl-2021, diġà għadda darbtejn minn impeachment. Dan il-fatt jikklassifikah fost l-aktar presidenti kontroversjali fl-Istorja moderna tal-Istati Uniti.

L-azzjoni militari li qajmet il-kontroversja

Fil-qalba tad-dibattitu attwali hemm allegazzjonijiet li Trump approva l-azzjoni militari kontra l-Iran mingħajr vot formali tal-Kungress. Għadd ta’ leġiżlaturi qegħdin jisħqu li dan jista’ jikkostitwixxi ksur tal-War Powers Resolution. Din ir-reżoluzzjoni tobbliga lill-President jinforma u jikkonsulta mal-Kungress meta l-forzi militari Amerikani jintużaw barra mill-pajjiż.

Għall-kritiċi tiegħu dan huwa eżempju ieħor ta’ dak li jsejħulu użu perikoluż tal-poter presidenzjali. Skont huma, deċiżjoni militari li tista’ twassal għal kunflitt internazzjonali ma tistax tittieħed unilateralment mill-White House.

Madankollu, difensuri ta’ Trump jargumentaw li l-President Amerikan dejjem kellu marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali u jargumentaw li amministrazzjonijiet preċedenti wkoll ħadu passi militari mingħajr mandat immedjat tal-Kungress.

Il-verità, bħal dejjem fil-politika Amerikana, tinsab x’imkien bejn iż-żewġ argumenti.

Politika barranija li qiegħda tqajjem tensjoni

Il-kritika lejn Trump ma tieqafx mal-kwistjoni militari. Pjuttost! Il-politika barranija tiegħu spiss hija deskritta bħala diretta, aggressiva u aktar minn hekk, imprevedibbli. Għal xi osservaturi, din hija strateġija intenzjonata biex tinnegozja minn pożizzjoni ta’ forza. Mentri, għal oħrajn, il-mossi ta’ Trump huma riċetta għal instabbiltà diplomatika. Riċetta perikoluża.

Kontroversja oħra li qajmet diskussjoni u rabja hija relatata ma’ komunikazzjonijiet diplomatiċi dwar Greenland. Il-“ħtif” ta’ Greenland minn Trump waslet għal dibattiti jaħarqu u tensjonijiet ġeo politiċi anke fost u ma’ wħud mill-alleati Ewropej. Fuq din il-kwistjoni, xi membri tal-Kungress talbu għal aktar trasparenza dwar il-mod kif qegħdin jitmexxew ċerti negozjati strateġiċi.

Fl-istess waqt, il-konfront bejn il-White House u l-Kungress kompla jeskala f’diversi okkażjonijiet. Dan b’mod speċjali meta kumitati parlamentari talbu dokumenti jew xhieda relatati ma’ investigazzjonijiet politiċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport