Thursday, December 11, 2025

Trump jikkritika l-pajjiżi u l-mexxejja Ewropej 

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump kompla juri antagoniżmu kontra l-mexxejja Ewropej u sejħilhom “dgħajfa” filwaqt li wissa li l-Istati Uniti tista’ tnaqqas l-appoġġ tagħha għall-Ukrajna filwaqt li kompla jżid il-pressjoni fuq Zelensky biex jaqbel ma’ ftehim ta’ paċi u ħeġġu biex iċedi t-territorju lir-Russja.

F’intervista ma’ Politico, Trump qal li pajjiżi Ewropej “qed jiddeterjoraw” u ma rnexxilhomx jikkontrollaw il-migrazzjoni jew jieħdu azzjoni deċiżiva biex itemmu l-gwerra tal-Ukrajna mar-Russja. 

Zelensky, nhar it-Tlieta, stqarr li l-Ukrajna u l-Ewropa kienu qed jaħdmu b’mod attiv fuq “il-punti kollha tal-passi potenzjali lejn it-tmiem tal-gwerra” issa li l-elementi Ukreni u Ewropej tal-pjan ġew żviluppati aktar.

Din l-aħħar kritika pubblika tiegħu lill-Ewropa, Trump għamilha ġurnata wara li l-mexxejja Ewropej iltaqgħu f’Londra biex jiddiskutu l-isforzi konġunti kontinwi tagħhom biex iwaqqfu l-ġlied u l-gwerra fl-Ukrajna.

Uffiċjali Amerikani kellhom taħditiet separati ma’ uffiċjali Ukreni u Russi f’dawn l-aħħar ġimgħat f’attentat biex iwasslu għal tmiem il-gwerra. S’issa, iżda ma ntlaħaq l-ebda ftehim. Fil-frattemp, il-President tal-Ukrajna għamel pressjoni fuq il-mexxejja Ewropej u tan-NATO biex jgħinu ħalli jwaqqfu lill-Istati Uniti milli tappoġġja ftehim li l-Ukrajna tibża’ li jħalliha esposta għal attakki futuri.

Nhar il-Ħadd, Trump issuġġerixxa mingħajr l-iċken evidenza li Zelensky kien l-ostaklu ewlieni għall-paċi. Huwa ddikjara mal-ġurnalisti li r-Russja kienet taqbel mal-pjan ta’ paċi tal-Istati Uniti, li fih l-Ukrajna tagħmel konċessjonijiet kbar lir-Russja, u li l-alleati jibżgħu li jħalliha vulnerabbli għal invażjoni futura.

Fl-istess intervista ta’ Politico, Trump sostna li n-negozjaturi Ukreni “jaqblu” mal-proposta tal-Istati Uniti u allega li Zelensky kien għadu ma qrahiex.

Huwa reġa’ rrepeta wkoll sejħiet preċedenti biex l-Ukrajna tagħmel elezzjonijiet u sostna li kienet qed “tuża l-gwerra” bħala raġuni biex ma tagħmilx dan.

Bi tweġiba għal dawn ir-rimarki ta’ Trump, il-President Volodymyr Zelensky qal li l-Ukrajna hija lesta għall-elezzjonijiet li jistgħu jsiru bejn 60 u 90 jum li ġejjin jekk is-sigurtà għall-votazzjoni tkun garantita bl-għajnuna tal-Istati Uniti u alleati oħra.

Il-mandat ta’ ħames snin ta’ Zelensky bħala President kellu jintemm f’Mejju 2024, iżda l-elezzjonijiet ġew sospiżi fl-Ukrajna minn meta ġiet iddikjarata l-liġi marzjali wara l-invażjoni tar-Russja.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport