Thursday, March 27, 2025

Trump jindika li għalih kien hemm min għen minn wara lill-qattiel ta’ JFK

Rilaxxati 2,000 paġna ta’ dokumenti sigrieti… Il-President Amerikan żamm kelmtu

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Waħda mir-raġunijiet li l-elettorat Amerikan għażel lil Donald Trump bħala l-President tal-Istati Uniti f’Novembru li għadda kienet il-wegħda tiegħu li jikxef sigrieti kbar tal-gvern Amerikan.

Fost dawn fil-lista kien hemm l-assassinju tal-president maħbub John F. Kennedy f’Dallas. Trump żamm kelmtu u ordna li jiġu rilaxxati u jsiru pubbliċi d-dokumenti u l-informazzjoni sigrieta kollha relatata ma’ dan il-każ.

Aktar minnhekk, f’intervista li saritlu fir-rigward, il-President Trump qal li huwa “minn dejjem emmen” li kien Lee Harvey Oswald li qatel lill-eks President JFK imma spekula li dan “jista’ jkun li kellu xi tip ta’ għajnuna”. Il-mistoqsija li qajjem Trump hija kontradittorja ma’ dak li dejjem qal b’mod uffiċjali d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan fejn jingħad li Oswald kien l-unika “moħħ” u “eżekutur” tal-qtil ta’ JFK. Iżda, Oswald dejjem ċaħad dan.

Anzi, huwa kien iddikjara li kien pupazz li ngħata f’idejn il-pulizija. Din id-dikjarazzjoni kienet wasslet biex ħafna Amerikani jemmnu li dan il-qtil kien parti minn konspirazzjoni tant li hemm min jemmen li Oswald kien mgħejjun jew mill-gvern Amerikan stess, jew mill-mafja, jew mis-CIA, jew mill-gvern ta’ Kuba jew inkella mis-servizzi sigrieti Russi, KGB.

Issa, wara snin ta’ spekulazzjonijiet, Trump ordna lill-gvern federali biex jirrilaxxa aktar minn 2,000 paġni ta’ dokumentazzjoni dwar il-każ ta’ JFK. Dawn id-dokumenti sigrieti disponibbli għall-pubbliku jinkludu rapporti ttajpjati u oħrajn miktuba bl-idejn.

Fosthom hemm dettalji mogħtija minn uffiċjal għoli tas-CIA li fihom saħaq li għal dan il-qtil kien responsabbli proprju grupp sigriet inflitrat fl-istat Amerikkan. L-istess uffiċjal tas-CIA kkonferma li Oswald “kien il-miskin li ntuża” u li s-servizzi sigrieti Amerikani kienu avżati minn qabel li Kennedy kien se jinqatel f’Awwissu.

Dawn id-dokumenti sigrieti għadhom qegħdin jiġu studjati u żgur li se nisimgħu aktar dwarhom fil-ġranet li ġejjin. Fost kummenti jaħarqu fir-rigward, ġurnalist saħaq li permezz ta’ dan ir-rilaxx ta’ dokumenti sigrieti, issa huwa kkonfermat li hemm grupp sigriet, potenti u infiltrat li jikkontrolla l-istat.

Trump min-naħa tiegħu kien wiegħed li se jkisser lil dan il-grupp u saħansitra diġàa għandu pjan b’10 passi speċifiċi li bihom se jilħaq l-għan tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport