Donald Trump qal li se jkun qed jitlaq mill-White House ladarba Joe Biden ikun konfermat formalment bħala l-President li jmiss tal-Istati Uniti.
Waqt li kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet tal-ġurnalisti għall-ewwel darba mindu tilef l-elezzjoni presidenzjali li żvolġiet fit-3 ta’ Novembru, Trump fl-istess waqt insista li “din it-tiġrija għadha ma spiċċatx”.
Huwa rrifjuta li jikkonċedi t-telfa, u għamel referenza għal allegazzjonijiet mhux sostanzjati dwar frodi elettorali.
L-istati individwali bħalissa qed jiċċertifikaw ir-riżultati tagħhom.
Biden kiseb 306 vot fil-konfront tal-232 vot miksubin minn Trump taħt is-sistema elettorali kolleġjali li tintuża biex jintgħażlu presidenti Amerikani.
Dan ifisser li Biden kiseb ferm aktar mill-270 vott kolleġjali rikjesti biex jirbaħ il-presidenza li jmiss. Biden għandu vantaġġ ukoll ta’ aktar minn sitt miljun vot popolari.
Ir-riżultat presidenzjali mistenni li jkun formalizzat nhar l-14 ta’ Diċembru li ġej, b’Biden mistenni li jieħu l-ġurament tal-ħatra nhar l-20 ta’ Jannar.