Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump irtira l-istedina li għamel lill-Kanada biex tingħaqad mal-‘Bord tal-Paċi’ li għadu kif ġie kkostitwit. Dan jikkonferma li r-relazzjonijiet bejn il-ġirien tal-Amerika ta’ Fuq għadhom għaddejjin minn tensjoni.
Il-mossa li biha kien qed jirrevoka l-istedina tiegħu lill-Kanada, Trump għamilha nhar il-Ħamis fuq is-sit elettroniku Truth Social f’kitba indirizzat direttament lill-Prim Ministru Kanadiż Mark Carney, li din il-ġimgħa ddomina l-aħbarijiet meta wissa dwar “ksur” flagranti fl-ordni globali mmexxija mill-Istati Uniti.
Dan il-bord, li jagħti lil Trump setgħat wiesgħa fit-teħid tad-deċiżjonijiet bħala Chairman, qed jiġi ppreżentat mill-Istati Uniti bħala organizzazzjoni internazzjonali ġdida għas-soluzzjoni tal-kunflitti.
Trump ma tax raġuni għall-azzjoni tiegħu tal-Ħamis filgħaxija li jirrevoka l-istedina lill-Kanada, mandankollu, l-uffiċċju ta’ Carney filwaqt li ma weġibx immedjatament għad-deċiżjoni ta’ Trump, kien indika l-ġimgħa li għaddiet li kien se jaċċetta l-istedina ta’ Trump fuq prinċipju.
Il-Gvern Kanadiż sostna fil-jiem li għaddew li mhux se jħallas il-miżata tas-sħubija ta’ 1 biljun dollaru li Trump qal li l-membri permanenti se jintalbu jħallsu biex jgħinu fil-finanzjament tal-Bord.
Il-“Bord tal-Paċi” ta’ Trump oriġinarjament kien maħsub biex jgħin fit-tmiem tal-gwerra ta’ sentejn bejn Iżrael u Hamas u jissorvelja r-rikostruzzjoni f’Gaża. Iżda ċ-Charter propost ma jagħmel ebda riferenza għat-territorju Palestinjan u l-Bord tal-Paċi jidher li huwa mfassal biex jieħu post u jissostitwixxi l-funzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, bi Trump ikun president għal għomru.
Madwar 60 pajjiż ġew mistiedna biex jingħaqdu mal-bord u madwar 35 diġà ffirmaw, skont il-White House.
Dawk li qablu li jingħaqdu s’issa jinkludu l-Arġentina, il-Belarus, il-Marokk, il-Vjetnam, il-Pakistan, il-Każakstan, l-Użbekistan, il-Kosovo, l-Ungerija, l-Eġittu, it-Turkija, il-Qatar, il-Ġordan, l-Indoneżja u l-Arabja Sawdija. L-ebda wieħed mill-membri permanenti l-oħra tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti – iċ-Ċina, Franza, r-Renju Unit, u r-Russja – s’issa ma impenja ruħu li jipparteċipa.
Mhux biss, imma r-Renju Unit esprima tħassib dwar l-inklużjoni tar-Russja, li l-forzi tagħha qed jiġġieldu fl-Ukrajna wara l-invażjoni fl-2022. Franza qalet li ċ-Charter kif inhi bħalissa kienet “inkompatibbli” mal-impenji internazzjonali tagħha, speċjalment is-sħubija tagħha fin-NU. Spanja “irrifjuta” l-istedina biex tipparteċipa fil-Bord.
Meta tkellem nhar il-Ġimgħa wara summit tal-mexxejja tal-UE fi Brussell, il-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa qal hekk; “għandna dubji serji dwar numru ta’ elementi tal-Bord tal-Paċi relatati mal-ambitu tiegħu, il-governanza tiegħu u l-kompatibbiltà tiegħu maċ-Charter tan-NU.
Huwa stqarr li l-UE kienet “lesta li taħdem flimkien mal-Istati Uniti fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Paċi komprensiv għal Gaza, b’Bord tal-Paċi jwettaq il-missjoni tiegħu bħala amministrazzjoni tranżitorja”.
Ir-revoka ta’ Trump tal-istedina tal-Kanada seħħ wara li l-Prim Ministru Kanadiż Mark Carney deher li rrita lil Trump b’diskors li ntlaqa’ b’applaws rari din il-ġimgħa fil-Forum Ekonomiku Dinji f’Davos.
Carney ħeġġeġ lil “potenzi tan-nofs” oħra biex jingħaqdu flimkien fid-dawl tal-koerċizzjoni ekonomika minn “potenzi akbar”, għalkemm ma semmiex lill-president tal-Istati Uniti b’ismu. Jum wara, Trump qal f’Davos li l-Kanada tirċievi ħafna “rigali” mill-Istati Uniti u “għandha tkun grata”.
Nhar il-Ħamis, Carney ta daqqa oħra lil Trump f’diskors ieħor li għamel lura f’pajjiżu meta qal li “l-Kanada ma tgħix minħabba l-Istati Uniti. Il-Kanada tiffjorixxi għax aħna Kanadiżi.”

