Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li kien qed jirtira truppi tal-Gwardja Nazzjonali minn diversi bliet Amerikani, fosthom Chicago u Los Angeles, u dan wara li sentenza tal-Qorti Suprema li ngħatat il-ġimgħa li għaddiet dgħajjfet l-awtorità tiegħu li juża t-truppi għall-infurzar tal-liġi.
“Se nerġgħu lura, jista’ jkun f’forma differenti ħafna u aktar b’saħħitha, meta l-kriminalità terġa’ tibda tiżdied,” kiteb Trump fuq Truth Social lejlet l-Ewwel tas-Sena.
It-Tlieta li għadda, l-amministrazzjoni ta’ Trump irtirat l-isforzi legali tagħha biex iżżomm il-kontroll fuq it-truppi skjerati f’Los Angeles. Il-ġimgħa li għaddiet, il-Qorti Suprema ddeċidiet li Trump ma setax juża truppi f’Chicago għall-infurzar domestiku tal-liġi.
Id-dikjarazzjoni ta’ Trump semmiet ukoll lil Portland, Oregon, iżda mhux lil Washington DC, fejn it-truppi għadhom għaddejjin bir-rondi tagħhom.
d-deċiżjoni ta’ Trump li jordna l-iskjerament ta’ truppi tal-Gwardja Nazzjonali fi bliet immexxija mid-Demokratiċi wasslet għal sensiela ta’ każijiet legali li jikkontestaw l-awtorità tiegħu milli jagħmel dan. It-truppi normalment ikunu taħt l-awtorità tal-Gvernaturi tal-Istat.
Mijiet ta’ truppi kienu ntbagħtu lejn Chicago u Portland, iżda kienu għadhom ma ġewx assenjati biex iduru fit-toroq tal-ibliet, hekk kif il-kawżi legali kienu għadhom għaddejjin fil-Qorti.
Trump qal li t-truppi huma meħtieġa biex jinfurzaw il-liġi u jrażżnu l-kriminalità u l-immigrazzjoni illegali. Il-kritiċi ċaħdu l-argument li t-truppi kienu meħtieġa, u akkużaw lil Trump li kien qed jipprova jrażżan id-demokrazija b’mod “awtoritarju”.

