Il-President Amerikan Donald Trump ma jafx ma jkunx kontrovsersjali. Issa ħadha wkoll kontra l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u sejħilha illeġittima. Huwa ffirma ordni eżekuttiva li tissanzjona l-Qorti Kriminali Internazzjonali, u akkużaha b’azzjonijiet illeġittimi u bla bażi mmirati lejn l-Amerika u l-Iżrael.
Il-miżura ta’ Trump tpoġġi restrizzjonijiet finanzjarji u tal-viża fuq individwi u l-familji tagħhom li jassistu fl-investigazzjonijiet mill-QKI ta’ ċittadini jew alleati Amerikani. Trump iffirma l-ordni eżekuttiva waqt li l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu kien qed iżur Washington.
F’Novembru li għadda, l-QKI ħarġet mandat ta’ arrest għal Netanyahu fuq allegati delitti tal-gwerra f’Gaża, li Iżrael jiċħad. Il-Qorti kienet ħarġet ukoll mandat ta’ arrest għal kmandant tal-Ħamas.
L-imħallfin fil-qorti kriminali qalu li kien hemm “evdenza raġonevoli” li l-prim ministru Netanyahu, l-eks ministru tad-difiża tiegħu Yoav Gallant, u Mohammed Deif tal-Ħamas iġorru “responsabbiltà kriminali għal allegati delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità.
Il-Qorti Kriminali Internazzjonali hija qorti dinjija bis-setgħa li tressaq akkużi u tibda proċeduri ta’ prosekuzzjoni għal ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra.
F’dawn l-aħħar snin, l-QKI ħarġet ukoll mandati ta’ arrest għall-President Russu Vladimir Putin fuq allegati delitti tal-gwerra fl-Ukrajna, mexxejja Talibani talli persegwitaw bniet u nisa Afgani, u mexxej militari tal-Myanmar għal reati kontra l-Musulmani Rohingya.
L-Istati Uniti u l-Iżrael mhumiex membri ta’ din il-Qorti iżda aktar minn 120 pajjiż huma, inkluż ir-Renju Unit u ħafna nazzjonijiet Ewropej.
L-Olanda, li tospita din il-qorti internazzjonali, uriet id-dispjaċir tagħha għall-ordni ta’ Trump u qalet li l-ħidma tal-Qorti hija essenzjali fil-ġlieda kontra l-impunità.
Memo tal-White House iċċirkolat nhar il-Ħamis akkuża lill-QKI li ħolqot “ekwivalenza morali tal-mistħija” bejn il-Ħamas u l-Iżrael billi ħarġet il-mandati fl-istess ħin u l-azzjonijiet reċenti tagħha “stabbilixxew preċedent perikoluż” li pperikolaw lill-Amerikani billi esponewhom għal “fastidju, abbuż u arrest possibbli”.
F’post fuq is-sit X nhar il-Ġmgħa, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta Iżrael, Gideon Saar faħħar bil-qawwa l-ordni eżekuttiva ta’ Trump. Huwa sostna li l-azzjonijiet tal-QKI kienu “immorali u m’għandhomx bażi legali”, u akkuża lill-qorti li ma toperax “skond il-liġi internazzjonali”.
L-Istati Uniti ripetutament ċaħdet kwalunkwe ġurisdizzjoni tal-QKI fuq uffiċjali jew ċittadini Amerikani.
Filwaqt li l-Istati Uniti mhix membru tal-QKI, l-eks skrivan tal-prosekutur ewlieni tal-qorti wissa li s-sanzjonijiet jista’ jkollhom “impatt prattiku profond” fuq l-operat tal-Qorti.
Is-sanzjonijiet ta’ Trump għandhom il-potenzjal li jiffriżaw il-proprjetà u l-assi, kif ukoll jissospendu d-dħul fl-Istati Uniti ta’ uffiċjali tal-QKI u l-membri immedjati tal-familja tagħhom.
Fl-ewwel mandat tiegħu, Trump impona sanzjonijiet fuq uffiċjali tal-QKI li kienu qed jinvestigaw jekk il-forzi tal-Istati Uniti kinux ikkommettew delitti tal-gwerra fl-Afganistan. Dawk is-sanzjonijiet tneħħew mill-amministrazzjoni tal-President Joe Biden.
Ix-xahar li għadda, il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti vvutat biex tissanzjona l-QKI, iżda l-abbozz m’għaddiex fis-Senat.
Bi tweġiba għall-isforzi ta’ dak li ddeskrivew bħala tentattivi biex jisfidaw l-awtorità tal-QKI, disa’ nazzjonijiet – inklużi l-Afrika t’Isfel u l-Malasja – nedew il-‘Grupp ta’ l-Aja’ ix-xahar li għadda fi sforz biex jiddefendu l-qorti u s-sentenzi tagħha.
L-ordni eżekuttiva ta Trump tgħid li l-Istati Uniti u l-Iżrael huma demokraziji b’saħħithom u l-forzi militari tagħhom jaderixxu b’mod strett mal-liġijiet tal-gwerra.
Il-prosekuturi tal-QKI fil-każ kontra Netanyahu u Gallant sabu raġunijiet biex it-tnejn iġorru responsabbiltà kriminali għat-twettiq tal-atti flimkien ma oħrajn: id-delitt tal-gwerra tal-ġuħ bħala metodu ta’ gwerra; id-delitti kontra l-umanità ta’ qtil, persekuzzjoni, u atti inumani oħra.