Saturday, November 23, 2024

Trump jissokta bl-allegazzjonijiet ta’ frodi fl-ewwel rally wara l-elezzjoni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-President Amerikan Donald Trump wettaq rally ġewwa l-istat ta’Georgia biex jikkampanja għal żewġ senaturi Repubblikani. Kienu bosta dawk il-persuni fi ħdan il-partit tar-Repubblikani li kienu mħassba li dan ir-rally jista’ jkun iktar ta’ ħsara milli ġid għall-kandidati hekk kif ma tantx kien hemm dubju li Trump isemmi t-telfa elettorali li skontu rriżultat minn elezzjoni mbagħbsa. 

Fl-ewwel dehra fil-pubbliku minn meta tilef kontra d-Demokratiku Joe Biden fit- 3 ta’ Novembru, Trump fakkar lill-folla li huwa qiegħed hemm biex jipperswadihom ħalli jivvotaw lill-kandidati Repubblikani fil-5 ta’ Jannar li ġej. Iżda wara huwa malajr reġa’ beda jirrepeti l-allegazzjonijiet, li qed isiru mingħajr evidenza, dwar frodi fl-elezzjoni li għaddiet. Fid-diskors tiegħu huwa allega li r-rivali tiegħu qarrqu u bagħbsu l-elezzjonijiet presidenzjali iżda huwa saħaq se jirbaħ. Dan fl-isfond tal-folla tgħajjat “we love you!” u “four more years!” 

Trump irrepeta wkoll l-attakki fuq dawk ir-Repubblikani li qegħdin jirrifjutaw li jappoġġjawh, fosthom il-gvernatur ta’ Georgia Brian Kemp. Nhar is-Sibt li għadda Trump kien tkellem ma’ Kemp permezz tat-telefown anke għamel pressjoni fuqu permezz ta’ twitter biex jaħdem iktar ħalli jinbidel ir-riżultat elettorali. 

L-allegazzjonijiet ta’ Donald Trump dwar frodi kienu miċħuda kemm mill-uffiċjali tal-istat u anke dawk federali. Apparti hekk, għadd ta’ kawżi legali li l-kampanja ta’ Trump ressqet quddiem il-qrati kważi kollha fallew. 

Biden huwa l-ewwel kandidat presidenzjali Demokratiku mill-1992 ’il hawn li rnexxielu jirbaħ l-istat ta’ Georgia. F’dan l-istat kien reġa’ sar l-għadd ta’ voti, ħaġa li kienet ħadet ħafna żmien, u rriżulta li ma kien hemm l-ebda irregolaritajiet. 

Sport