It-truppi tal-Gwardja Nazzjonali tal-Istati Uniti bdew jiġu skjerati fit-toroq tal-belt kapitali Washington DC, jum wara li l-President Donald Trump ordna dan u ħa kontroll tal-forza tal-pulizija tal-belt kapitali. Trump argumenta li l-kriminalità vjolenti kienet ħarbet mill-kontroll tal-awtoritajiet tal-belt.
Madwar 800 truppi tal-Gwardja Nazzjonali kif ukoll 500 aġent federali tal-infurzar tal-liġi kienu skjerati fit-toroq ewlenin. Magħhom dehru wkoll vetturi armati l-iktar f’ċentri urbani u siti turistiċi madwar il-kapitali nhar it-Tlieta filgħaxija.
Is-Sindku Demokratika ta’ Washington DC Muriel Bowser, li ċaħdet li l-kriminalità hija barra mill-kontroll fil-belt tagħha, iddeskriviet l-iskjerament tat-truppi tal-Gwardja Nazzjonali bħala “ġirja lejn l-awtoritarjaniżmu”.
Donald Trump, Repubblikan, hedded ukoll skjeramenti simili kontra New York u Chicago, żewġ bliet oħra kkontrollati mid-Demokratiċi.
It-truppi li ilhom jidhru fil-kapitali tal-Istati Uniti minn mindu ġew ordnati minn Trump nhar it-Tnejn. 23 persuna ġew arrestati minn aġenti federali t-Tnejn filgħaxija, skont is-segretarja tal-istampa tal-White House Karoline Leavitt. Hija qalet li dan għadu l-bidu u sostniet li l-arresti kienu għal omiċidju, reati relatati mal-armi tan-nar, traffikar tad-droga, atti oxxeni, sewqan traskurat u reati oħra.
“Matul ix-xahar li ġej, l-amministrazzjoni ta’ Trump se ssegwi u tarresta bla heda lil kull kriminal vjolenti li jikser il-liġi, idgħajjef is-sigurtà pubblika, u jipperikola lill-Amerikani li josservaw il-liġi,” qalet Karoline Leavitt.
Kemm is-sindku ta’ Washington kif ukoll il-kap tal-pulizija tal-belt qalu aktar kmieni fil-ġurnata li kellhom l-istess għan bħall-aġenti federali. Iżda f’kunsill pubbliku nhar it-Tlieta filgħaxija, is-sindku ħarrxet il-kritika tagħha ta’ Trump.