Wara l-ferneżija li qanqal l-eks president Barack Obama dwar l-aljeni, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li se jagħti struzzjonijiet lill-aġenziji tal-Istati Uniti, inkluż id-dipartiment tad-difiża, biex jibdew il-proċess ta’ identifikazzjoni u rilaxx ta’ fajls tal-gvern dwar aljeni u ħajja extraterrestri.
Trump għamel id-dikjarazzjoni f’post fuq Truth Social, waqt li akkuża lil Barack Obama aktar kmieni fil-ġurnata li żvela informazzjoni klassifikata meta l-eks president qal li “l-aljeni huma reali” fuq podcast il-ġimgħa li għaddiet.
Trump qal lir-reporters abbord l-ajruplan presidenzjali l-Air Force One, li Barack Obama mhux suppost għamel hekk u għaldaqstant għamel żball kbir. Iżd meta huwa ġie mistoqsi jekk jaħsibx ukoll li l-aljeni huma realta, Trump wieġeb li ma jafx jekk dawn humiex reali jew le.
L-eks President tal-Istati Uniti Obama kien qal lill-preżentatur tal-podcast Brian Tyler Cohen li jaħseb li l-aljeni huma reali f’intervista li ħarġet is-Sibt li għadda. Obama stqarr li “huma reali, imma ma rajthomx, u mhumiex qed jinżammu fiż-Żona 51.”
Filwaqt li stqarr ukoll li m’hemm l-ebda faċilità taħt l-art sakemm ma kienx hemm xi konspirazzjoni enormi u huma ħbewha mill-president tal-Istati Uniti.
Wara li dan l-kumment iddomina aħbarijiet, Obama fittex li jiċċara li jaħseb li huwa statistikament probabbli li teżisti ħajja lil hinn mid-Dinja, minħabba l-kobor tal-univers.
F’post ta’ segwitu fuq Instagram, Obama, li serva bħala president tal-Istati Uniti bejn l-2009 u l-2017, iċċara li ma ra l-ebda evidenza matul il-presidenza tiegħu li l-aljeni għamlu kuntatt mad-dinja tagħna.
L-Istati Uniti rat interess pubbliku jikber dwar oġġetti mhux identifikati jittajru (UFOs) u l-ħajja extraterrestri f’dawn l-aħħar snin, imqanqal fl-2017 minn rapporti dwar programm sigriet tal-Pentagon biex jinvestiga xiehda minn piloti u membri militari oħra tal-Istati Uniti li kienu rrappurtaw li raw oġġetti strambi fis-sema.
Fl-2022, il-Kungress kellu l-ewwel seduti dwar l-UFOs f’50 sena u l-Pentagon wiegħed aktar trasparenza dwar il-kwistjoni u waqqaf uffiċċju ddedikat biex jiġbor rapporti tal-laqgħat militari kollha mal-UFOs.
Is-sena ta’ wara, bord tal-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti dwar is-suġġett ma pproduċa l-ebda informazzjoni kbira u lanqas konferma ta’ ħajja aljena.
F’rapport tal-2024, il-Pentagon qal li ma kien hemm “l-ebda evidenza” li l-gvern tal-Istati Uniti kien iltaqa’ ma’ ħajja aljena, u li l-biċċa l-kbira tal-avvistamenti tal-UFOs kienu biss oġġetti ordinarji.

