Tuesday, August 26, 2025

Trump keċċa gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Istati Uniti

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump jidher li se jkompli l-persekuzzjoni ta’ nies li ma jaqblux mal-politika tiegħu, jew li ma jobdux l-ordinijiet tiegħu. L-aħħar fis-sensiela ta’ tkeċċijiet b’mod immedjat kienet ta’ waħda mill-gvernaturi tal-Federal Reserve, Lisa Cook mill-kariga tagħha, f’eskalazzjoni kbira fil-battalja tiegħu kontra l-bank ċentrali tal-Istati Uniti.

Trump allega li kien hemm raġuni suffiċjenti biex wieħed jemmen li Cook kienet għamlet dikjarazzjonijiet foloz dwar ftehimiet ta’ ipoteki, u semma setgħat kostituzzjonali li qal li għandu u li jippermettulu jneħħiha.

It-tkeċċija ta’ Cook ġiet meqjusa bħala mossa bla preċedent għall-President Trump li jkeċċi membru tat-tmexxija tal-bank ċentrali, hekk kif huwa kompla jpoġġi pressjoni akbar fuq il-Federal Reserve speċjalment fuq il-President tagħha Jerome Powell dwar nuqqas ta’ rieda li jitbaxxew ir-rati tal-imgħax. 

Cook hija waħda minn seba’ membri tal-bord tal-gvernaturi tal-bank u f’din il-pożizzjoni tagħmel parti mill-kumitat ta’ 12-il membru li huwa responsabbli għall-iffissar tar-rati tal-imgħax fl-Istati Uniti.

Fl-aħħar laqgħa tal-Bank Ċentrali dwar l-iffissar tar-rati fl-aħħar ta’ Lulju, hija kienet ivvutat flimkien ma’ Powell u l-biċċa l-kbira tal-membri l-oħra tal-kumitat biex jibqgħu fis-seħħ l-istess rati tal-imgħax tal-Istati Uniti. 

Cook kienet inħatret mill-eks president, id-Demokratiku Joe Biden, fl-2022 u hija l-ewwel mara Afro-Amerikana li serviet f’dan ir-rwol.

Id-deċiżjoni ta’ Trump li jkeċċiha x’aktarx li se tqajjem kwistjonijiet legali, bl-esperti jgħidu li l-White House se jkollha bżonn turi – potenzjalment fil-qorti – li kellha raġuni suffiċjenti biex tkeċċiha.

Fi stqarrija li ħarġet, Cook ġiet kwotata tgħid li l-President Trump allegatament keċċiha ‘għal kawża ġusta’ meta ma teżisti l-ebda kawża skont il-liġi, u m’għandu l-ebda awtorità biex ikeċċiha. Hija żiedet tgħid li mhux se tirriżenja u se tkompli twettaq dmirijietha biex tgħin l-ekonomija Amerikana kif ilha tagħmel mill-2022.

L-avukat ta’ Cook, Abbe David Lowell, sostna li se jieħu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex jipprevjeni t-tentattiv ta’ azzjoni illegali minn Trump.

Il-Federal Reserve għadha ma kkummentatx dwar it-tħabbira tal-president, li għamel tard nhar it-Tnejn permezz tal-pjattaforma tal-midja soċjali tiegħu Truth Social.

Huwa ppubblika ittra indirizzata lil Cook fejn informaha bid-deċiżjoni tiegħu li jneħħiha mill-bord tal-gvernaturi tal-bank b’effett immedjat. Trump ukoll, ripetutament semma l-possibbiltà li jkeċċi lill-President tal-Federal Reserve Jerome Powell.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport