Saturday, December 14, 2024

Trump l-ewwel President tal-Istati Uniti li ġie ‘impeached’ darbtejn

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Donald Trump sar l-ewwel President fl-istorja tal-Istati Uniti li ġie ‘impeached’ darbtejn. Dan wara li ġie akkużat b’inċitament ta’ ribelljoni wara l-attakki fuq il-Capitol.

Il-Kamra tar-Rappreżentanti akkużat lil Trump li nstiga l-vjolenza bl-allegazzjonijiet foloz tiegħu ta’ frodi fl-elezzjoni presidenzjali. 

Huwa se jkun qed jiffaċċja ġuri quddiem is-Senat, li mistenni jintemm wara li d-Demokratiku Joe Biden jilħaq President. Is-senaturi jistgħu jivvutaw biex iwaqqfuh milli jerġa’ jkollu kariga pubblika.

F’filmat maħruġ wara l-vot fil-Kamra, Trump talab lill-partitarji tiegħu biex jibqgħu paċifiċi, mingħajr ma semma xejn dwar l-impeachment tiegħu. 

“Il-vjolenza u l-vandaliżmu m’għandhomx post f’pajjiżna. L-ebda partitarju veru tiegħi qatt ma japprova l-vjolenza politika,” qal Trump. 

Intant, l-FBI wissiet dwar il-possibiltà ta’ protesti armati ppjanati għal Washington DC u l-50 kapitali tal-istati Amerikani kollha fil-jiem li ġejjin qabel Joe Biden, jinħatar bħala l-President il-ġdid tal-Istati Uniti. 

Biex qed ikun akkużat Trump?

L-akkużi ta’ ‘impeachment’ huma politiċi, mhux ta’ natura kriminali. Il-President Trump ġie akkużat mill-Kamra li “inċita” l-attakki fuq il-Capitol – is-sede tal-Kungress Amerikan – b’diskors li għamel fis-6 ta’ Jannar lill-partitarji tiegħu barra l-White House.

Huwa ħeġġiġhom biex “b’mod paċifiku u patrijottiku” jsemmgħu leħinhom, iżda wkoll biex “jiġġieldu bis-saħħa kollha” kontra elezzjoni li b’mod falz qalilhom li kienet insterqet.

Wara r-rimarki ta’ Trump, il-partitarji tiegħu daħlu fil-Capitol u ġiegħlu lil-leġislaturi biex jissospendu ċ-ċertifikazzjoni tar-riżultati elettorali u jitilqu. Il-binja ngħalqet u ħames persuni spiċċaw biex tilfu ħajjithom f’dawn l-attakki. 

L-artikolu tal-impeachement jgħid li Trump “ripetutament ħareġ dikjarazzjonijiet foloz fejn afferma li r-riżulati tal-elezzjoni presidenzjali kienu frawdolenti u ma kellhomx jiġu aċċettati.” 

Jingħad ukoll li huwa rrepeta dawn l-allegazzjonijiet u “volontarjament għamel dikjarazzjonijiet lill-folla li inkoraġġiet u sussegwentement irriżulat f’azzjoni li kisret il-liġi fil-Capitol”, li wasslet għal vjolenza u telf ta’ ħajjiet.

“Il-President Trump ipperikola serjament is-sigurtà tal-Istati Uniti u l-istituzzjonijiet tal-Gvern tiegħu, hedded l-integrità tas-sistema demokratika, indaħal fit-tranżizzjoni paċifika tal-poter u pperikola fergħa tal-gvern ko-ugwali.” 

“Il-President tal-Istati Uniti inċita din ir-ribelljoni kontra l-pajjiż tagħna”

Fil-vot li ttieħed nhar l-Erbgħa, għaxar deputati Repubblikani ngħaqdu mad-Demokratiċi fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Trump kien impeached mill-Kamra tar-Rappreżentanti b’232 vot favur u 197 kontra. 

L-Ispeaker tal-Kamra Nancy Pelosi qalet: “Il-President tal-Istati Uniti inċita din l-insurezzjoni, din ir-ribelljoni armata kontra l-pajjiż tagħna. Trump għandu jitlaq. Huwa periklu ċar u preżenti għan-nazzjon tagħna li aħna lkoll inħobbu.” 

Ekonomija

Sport