Saturday, October 26, 2024

Trump qed jirnexxielu jappella għal persuni progressivi

- Brendan Zerafa, Osservatur tal-Politika Internazzjonali

Aqra wkoll

Ninsabu tlett xhur bogħod mill-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti. Elezzjoni Presidenzjali li kellha żvolta proprju ġdida nhar il-Ħadd li għadda meta Joe Biden irtira minn kandidat Presidenzjali għad-Demokratiċi. Dan tista’ tgħid bidel ix-xenarju kollu, kemm għad-Demokratiċi u anke għar-Repubblikani.

L-ispekulazzjonijiet ta’ min se jirbaħ din l-elezzjoni Presidenzjali ma jonqsux iżda wara dak li ġara l-Ħadd, qiegħed ikun hemm kawtela. Hemm min jgħid li d-dinja għandha bżonn lil Kamala Harris, u oħrajn jargumentaw li biex jieqfu l-gwerer fid-dinja hemm bżonn lil Donald Trump.

Dan is-sit tkellem mal-Osservatur tal-Politika Internazzjonali, Brendan Zerafa, dwar dak li għaddej fl-Istati Uniti.  Jgħidilna li “rrid inkun onest li minn dak li rajt jien inkluż dak li rajt u smajt minn persuni progressivi fl-Istati Uniti,  Donald Trump fl-aħħar xhur sar jappella iżjed għalihom. Trump qiegħed isib il-mod kif lil dawn in-nies jappella għalihom”

Nistaqsuha kif ara l-aħbar tal-Ħadd li għadda Joe Biden irtira minn kandidat Presidenzjali għad-demokratiċi,  jidher li Kamala Harris se tkun il-kandidata Presidenzjali għad-demokratiċi. It-‘timing’ ma tħossx li se tkun muntanja biex jirnexxieha tirbaħ l-isfida ta’ Donald Trump?

Brendan Zerafa iwieġeb għal dan billi jgħid li “iva hi sabet lilha nfisha f’sitwazzjoni ta’ sfida. F’elezzjoni Presidenzjali, il-kandidat ikun għalaq il-proċess ħafna qabel u minn dak il-lat hemm sfida.  Imma hi sfida ukoll għall-kampanja ta’ Donald Trump ukoll għax il-kampanja ta’ Trump –  il-‘battle plan’ kien ibbażat fuq Joe Biden u l-inkapaċità ta’ l-istess Biden biex jiggverna. U issa peress li inbidel il-kandidat demokratiku, dak il-‘battle plan’ ma jistax jintuża. Issa hemm xi ħadd li hu ħafna iżgħar. Kamala Harris illum għandha esperjenza konsiderevoli u għalhekk l-argumenti li kellhom lesti l-kamp ta’ Donald Trump ma jistgħux jintużaw fil-konfront tagħha.” 

Hemm min isostni li Kamala Harris hi nieqsa mill-kariżma u għandha l-problema tal-ħin. Hemm dubju f’moħħ in-nies kemm hi kapaċi għall-Presidenza. Tħoss li dawn l-argumenti għandhom bażi soda jew għandna persuna li mmaturat ruħha?

Brendan Zerafa iwieġeb li “fis-sena 2020 meta hi ħarġet għal President kellha kampanja li kienet diżastruża. Ma rridux ninsew li imbagħad hi kienet parti mill-kampanja ta’ Joe Biden. F’dawn l-4 snin hi għamlet Presidenza bħala Viċi President  u issa wieħed irid jara li dak li għaddiet minnu hux se jgħinha biex il-kampanja tagħha tkun storja differenti. Irridu nżommu f’moħħna li din id-darba hi se tkun qed tikkompeti mal-avversarju proprju tagħha, jiġifieri l-Partit Repubblikan u Donald Trump, mentri  fis-sena 2020 kienet ikkompetiet fil-konfini tal-Partit Demokratiku innifsu.”

Mistoqsi dwar li hemm il-fatt sorprendenti li l-familja Clinton appoġġjat il-kandidatura tagħha imma Obama faħħar lil Biden imma qagħad lura milli jappoġġja lil Kamara Harris. X’effett jista’ jkollu dan?

L-opinjonista Brendan Zerafa jenfasizza li “naħseb li la darba hi tiġi konfermata bħala l-kandidata tad-Demokratiċi Obama se jtiha l-appoġġ u jikkampanja favuriha. Obmaa qal li għandu jkun hemm proċess miftuħ. Dan ifisser li meta jkollok il-konvenzjoni d-delegati jkunu jistgħu joħorġu aktar minn kandidat wieħed u d-delegati jivvutaw skont il-kuxjenza tagħhom.  Li ġara kien li Biden wera l-appoġġ lil Harris u segwew diversi demokratiċi inkluż mill-Kabinett u nies li kien hemm spekulazzjonijiet dwarhom li jistgħu jkunu interessati bisex ikunu kandidati mal-Partit Demokratika. Skont stħarriġ li sar mad-delegati, Kamala Harris għandha l-appoġġ tad-delegati kollha bizzejjed biex tkun hi l-kandidata għad-Demokratiċi. Skont il-liġi tal-finanzi tal-kampanja  fl-Istati Uniti, il-kampanja ta’ Biden kienet ġabret numru konsiderevoli ta’ flus  – għaxriet ta miljuni. Issa jekk Kamala Harris, peress li hi kienet parti minn dik il-kampanja, jekk hi tkun il-kandidata prinċipali, dawk il-flus jistgħu jiġu trasferiti għall-kampanja tagħha u jistgħu jintużaw. B’kandidat ieħor, il-flus iridu jiġu trasferiti lill-Partiti Demokratiku jew inkella jiġu trasferiti għal xi super pac, li jkun jista’ jonfoq il-flus u jagħmel ir-reklami imma ma jkunx jista’ jikkordina mal-kampanja. Issa la se jkun hemm Kamala Harris dawn il-flus jistgħu jintużaw.

Kamala Harris il-kontra attakk tagħha se jkun il-każ fil-qrati ta’ Donald Trump. Kemm tħoss li dan l-element se jkun karta rebbieħa f’din il-kampanja?

Brendan Zerafa jgħidilna li “hi xafra taqta miż-żewġ naħat. Għal min ikollu għal qalbu is-serjetà u r-rule of law u is-sistema legali żgur li se jaqbel mal-messaġġ. Trump hu l-aħjar meta hu jkun taħt l-attakk. Il-każijiet li kien hemm kontra Donald Trump hu irnexxielu jużahom favurieh u jiġbor il-flus. Dejjem jgħid li hemm witch hunt kontrieh u hemm id moħbija li ma tridux imexxi l-pajjiż. Interessanti hu l-fatt li d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema fejn din qalet li Donald Trump u kwalunkwe President għandu immunità minn atti uffiċjali li jkun għamel. Jekk hu iltaqa’ ma’ xi ħadd waqt li kien President, dak jiġi att uffiċjali. Jekk twettaq reat hemm il-Qorti Suprema qed tgħid li hu għandu immunità minnu. Madankollu hemm affarijiet li Trump għamel fin-negozju tiegħu u dawn ma jistax ikollu immunità speċjalment fl-Istat ta’ New York.  Però hi sinifikanti ħafna li kont il-Qorti Suprema il-President ikollu immunità totali. Nemmen li dan ir-ruling se jgħinu ħafna lil Trump.”

Apparti tibdiliet ovvji għax issa hemm kandidati differenti. X’se naraw fil-kampanja ta’ Harris?

Brendan Zerafa jgħidilna li “jidher li Kamala Harris trid tappella aktar għaż-żgħażagħ. Qiegħda tagħti l-appoġġ għal dik li jgħidulha ‘mean culture’. Il-kultura tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar li hi trid tappella għalihom. Skont l-aħħar stħarriġ li sar hi qiegħda tirbaħ lil dawk li għandhom inqas minn 35 sena imma mhix qed tirbaħ b’marġini daqshekk kemm is-soltu jirbħu id-Demokratiċi. Hi għalhekk  trid twessa’ dan il-marġni biex b’hekk kun wieħed mis-segment li hi timmira għalih u tgħaddi lil Donald Trump fuq livell nazzjonali.  Irridu niftakru li fl-Istati Uniti hi kwistjoni fuq kemm tirbaħ eletturi u tirbaħ Stati. L-ispecific targeting irid ikun hemm u jrid ikun kważi fuq livell ta’ distrett.”

Kien hemm kritika lejn Kamara Harris għax damet ma niżlet mal-fruntiera tal-Messiku. Kemm se tkun kapaċi tagħmel inroads ma’ ċerti minoritajiet?

Għal din il-mistoqsija, l-osservatur Zerafa jgħidilna li “fejn jidħlu in-nisa, jidher ċar li Kamala Harris għandha vantaġġ b’saħħtu fuq Trump. Fejn jidħlu minoritajet, per eżempju l-African Americans hi ukoll għandha vantaġġ. Li trid tagħmel dak il-vantaġġ hu li tesplojtjah u twessgħu.  Ma tistax tkun komdu li segment li d-Demokratiċi li s-soltu jirbħu b’50 punt issa jirbħuħ b’10 punt għax dan ifisser li jkun hemm Stati li se jintilfu. Fl-aħħar elezzjonijiet kien hemm Stati bħal Georgia li lagħbu parti importanti. Jekk id-demografika ta’ African American mhux se tkun trattata kif suppost, stati bħal Georgia mhu se jilgħabu parti importanti u dan ifisser li d-Demokratiċi fuq livell nazzjonali se jkunu inqas kompetittivi”.

Riċentament Donald Trump qal li Kamala Harris għandha tirrispondi jekk Joe Biden hux kapaċi jmexxi l-Istati Unit sa tmiem l-amministrazzjoni. Ma tħossx li dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet ta’ Donald Trump huma indikazzjoni ta’ reazzjoni dgħajfa  ta’ dak li ġara fil-kamp demokratiku?

Brandon Zerafa jiddikjara li “hi reazzjoni, imma naħseb li warajha hemm strateġija. Naħseb li l-istrateġija hi  li jipprova jimbotta lil Joe Biden biex jirriżenja biex jitfa’ lil Kamala Harris ‘on the spot’ u jibda jattakka lilha b’mod dirett. Irridu naraw ukoll min se jkun il-Viċi Ġresident. Skont il-kandidat li jintgħażel tinduna liema setturi se jkunu qed jimmiraw għalihom id-Demokratiċi.”

Jisħaq li “Per eżempju Josh Shapiro hu l-gverntur ta’ Pennsylavania. Hu persuna popolari. Donald Trump għal Viċi President għażel lil J D Vance minn Ohio. Hu persuna partikulari ħafna għax għandu politika fuq id-drittijiet tal-ħaddiema li hi politika xellugija imma mbagħad mill-banda l-oħra għandu politika oħra li hi tal-lemin. Dan hu persuna li jekk tara l-istorja tiegħu tara li dan trabba f’dar li kienet diffiċli ħafna. Ommu kienet drogata. Gradwa mill-aqwa universitajiet fl-Istati Uniti u wasal fejn wasal. Dik l-istorja u l-karattru tiegħu se tintuża biex tagħmel lil Donald Trump aktar kompetittiv speċjament fil-mid west biex jirbaħ lill-klassi tal-ħaddiema.”

Kamala Harris għandha pożizzjonijiet differenti fuq il-politika barranija li hi differenti minn dik ta’ Joe Biden. Dwar il-lvant nofsani f’Marzu li għadda kienet talbet waqfien mill-ġlied u din hi pożizzjoni differenti minn dik ta’ Biden dwar  Netanyahu. X’politika barranija se nistennew minn Kamala Harris jekk tilħaq President?

“Jien naħseb li kwalunkwe kandidat se jkollu l-politika barranija tiegħu.  Madankollu l-Istat Amerikan u l-istituzzjonijiet Amerikani,  dawk kollha se jkollhom il-pożizzjoni tagħhom. Mhix faċli daqshekk li l-politika barranin  tinbidel f’daqqa waħda. Trump kellu politika barranija li kienet differenti minn ta qablu imma it-tibdiliet li saru fil-livell internazzjonali ngħid li ma kinux daqstant stroardinarji daqskemm wieħed seta’ jistenna. L-animożità bejn ir-Russja u Istati Uniti baqgħet hemm  minkejja ħbiberija bejn Putin u Trump u l-istess fir-rigward ta’ Kamala Harris. Hemm nies bħal Netanyahu li fl-aħħar snin ma tantx kellu relazzjoni tajba ma’ Obama u mal-partit demokratiku. Netanyahu x’se tkun ir-relazzjoni tiegħu ma’ Trump. Dan wieħed għad irid jaraha. Netanyahu Kellu relazzjoni tajba ma’ Trump imma meta Iżrael daħal f’Gaża, Trump kien tkellem u f’ċerti stanzi ma kellux kliem ta’ tifħir fuq ċerti ministri fil-Kabinett ta’ Netanyahu għalkemm dik il-pożizzjoni bidilha waqt il-kampanja. Trump hu bniedem li ma tistax tipprevedi fejn sejjer. Lil Kim Jong Un, kien sejjaħlu rocket man. Eskalaha miegħu imma imbagħad spiċċa iltaqa’ miegħu.”

Dwar il-politika interna hemm diverġenzi ukoll. Issemma’ l-abort u Kamala Harris għandha pożizzjoni differenti. X’tip ta’ politika interna ħa naraw jekk Harris tieħu it-tmun?

Brandon Zerafa jwieġeb li “wieħed jistenna li Kamala Harris se jkollha politika aktar progressiva minn Joe Biden. Hi ġejja minn Kalifornja u dan hu wieħed mill-aktar Stati progressivi. Fl-istorja tagħha hi dejjem kienet persuna progressiva, taqta fejn tidħol il-qasam tal-kriminalità għax hemmhekk hemm kritika fil-konfront tagħha. Wieħed irid jara x’se jkunu qed jagħmel Donald Trump. Vance jappoġġja li l-paga minima  titla’ għal $20 fis-siegħa. Fejn il-Partit Repubblikan dejjem kien kontra l-union, JD Vance hu favur li ħaddiema jissieħbu f’unions u  għaldaqstant hu kurjuż jekk hux Donald Trump hux se jaddotta xi wħud minn dawn il-policeies fil-programm tiegħu.” 

Politiċi lokali u barranin qalu li jekk jitla’ Donald Trump ikun diżastru. Fiċ-ċirkosanzi ta’ llum, għandna bżonn Kamala Harris jew Donald Trump?

Brandon Zerafa jgħid li “l-preferenza tiegħi, u peress li jien progressiv inkun miġbud aktar lejn il-Partit Demokratiku. Irrid inkun onest li minn dak li rajt jien inkluż dak li rajt u smajt minn persuni progressivi,  Donald Trump fl-aħħar xhur sar jappella iżjed għalihom. Trump qiegħed isib il-mod kif lil dawn in-nies jappella għalihom. Kellek żgħażagħ li fis-sena 2016 kienu appoġġjaw lil Bernie Saunders. Trump jidher li din id-darba qed jerġa’ jappella lil dawk it-tip ta’ nies u din jaf trebbħlu l-elezzjoni. Fejn tidħol il-politika barranija il-President ikollu saħħa, imma l-Istat Amerikan  mhux magna li se ddawwarha mil-lum għal għada. Hi xi ħaġa li l-bidla  tieħu iż-żmien.”

Sport