L-eks President Amerikan Donald Trump ġie akkużat li pprova jibdel ir-riżultat tiegħu fl-istat tal-Georgia fl-elezzjoni tal-2020.
Din kienet ir-raba’ kawża kriminali fil-konfront tiegħu f’daqstant xhur.
Trump, li huwa l-kandidat ewlieni Repubblikan għall-President fl-2024, ġie akkużat flimkien ma’ 18-il alleat ieħor.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu Trump ċaħad it-13-il akkuża, li jinkludu u ndħil fl-elezzjonijiet u anke tentattiv ta’ sistemi frawdolenti u saħaq li dawn l-akkużi huma politikament motivati.
Il-prosekutur tal-Georgia Fani Willis nediet l-ewwel investigazzjoni fi Frar tal-2021 wara allegazzjonijiet serji.
Fl-Att tal-Akkuża ta’ 98 paġna li saret pubblika tard nhar it-Tnejn, il-prosekuturi elenkaw 41 akkuża kontra d-19-il akkużat.
Is-Sinjura Willis ħabbret li kienet qed tagħti lill-akkużati l-opportunità li jammettu għall-akkużi miġjuba kontrihom sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu. Qalet ukoll li qed tippjana li tipproċessa lid-19-il akkużat flimkien.
Il-lista tal-akkużati tinkludi l-eks avukat ta’ Trump Rudy Giuliani, l-eks kap tal-istaff tal-White House Mark Meadows u l-eks avukat tal-White House John Eastman. Oħrajn jinkludu eks uffiċjal tad-dipartiment tal-ġustizzja, Jeffrey Clark, u Sidney Powell u Jenna Ellis – żewġ avukati ta’ Trump.